Dalwaqt tibda sena skolastika ġdida. Nibdew naraw vannijiet u coaches mimlijin bl-istudenti. Tfal u żgħażagħ iqumu kmieni biex joħorġu jistennew il-vann jew il-coach tagħhom. Ommijiet u missirijiet iħejju l-lunches ta’ uliedhom. 

Żmien l-iskola. U qabel il-bidu tas-sena skolastika, il-ġenituri jew min jieħu ħsieb l-ulied ikunu diġà  ħasbu għall-uniformijiet u l-kotba. F’dan iż-żmien u fil-jiem li ġejjin isiru l-laqgħat għall-ġenituri u għall-istudenti. Għaliex dan kollu? Sabiex uliedna jkunu mħeġġa jedukaw ruħhom billi jiksbu l-ħiliet u l-kapaċitajiet neċessarji li permezz tagħhom ikunu jistgħu javvanzaw fis-soċjeta’. 

L-edukazzjoni tkopri dawk l-esperjenzi kollha li bihom l-individwu jsaħħaħ l-intelliġenza, jikseb it-tagħrif u jsawwar il-karattru tiegħu. L-edukazzjoni vera hi dik li ssaħħaħ, mhux biss il-persuna, imma l-istess persuna mas-soċjeta’ kollha. Il-qofol tal-edukazzjoni hi l-ġid sħiħ ta’ kull persuna.  

Imma biex dan l-għan ikun jista’ jintlaħaq, huwa tajjeb li ninvolvu lil uliedna fit-tħejjija tal-affarijiet kollha abbinati mal-iskola sabiex  iħossuhom involuti. Il-preparazzjoni għall-iskola tfisser ħafna iżjed mill-ħbieb, mill-kotba  u mill-għalliema. Tfisser li uliedna se jitilgħu tarġa oħra fl-istudju tagħhom. 

Naturalment, kull  sena skolastika ġdida ġġib magħha xi ftit tal-ansjeta’, mhux  biss għat-tfal u l-istudenti imma anki għall-ġenituri. L-ommijiet u l-missirijiet għandhom rwol importanti biex jixprunaw attitudni pożittiva lil uliedhom u jinkoraġġuhom fl-istudji tagħhom matul is-sena skolastika li jmiss.  

Ma ninsewx l-għalliema u l-assistenti tagħhom fil-klassijiet li, għax iddedikati u mimlijin b’ħeġġa, ikunu ħerqana sabiex jilqgħu u jħarsu lil uliedna f’ambjent ta’ tagħlim ħolistiku. Tajjeb li  wieħed ikun jaf li dan is-Sajf ma kienx wieħed ta’ serħan għall-għalliema u dan minħabba x-xogħol li kellhom iħejju skont sistemi li ħarġu mir-riforma edukattiva li rriżultat mill-ftehim kollettiv li l-Union tal-Għalliema (MUT) iffirmat għan-nom tal-għalliema fix-xhur li għaddew. 

Barra minn hekk, dan il-portal jistaqsi jekk l-awtoritajiet jew l-amministrazzjonijiet fl-iskejjel ikkonċernati ħasbux biżżejjed fl-istaff. L-għalliema u l-LSEs, fost oħrajn, se jkunu fornuti bir-riżorsi neċessarji fil-bidu ta’ sena skolastika ġdida? Nisperaw li l-istorja ma terġax tirrepeti ruħha u ma nisimgħux b’għalliema, kindergarten educators u LSEs li jkollhom joħorġu l-flus minn buthom biex jixtru riżorsi għat-tagħlim! 

Fl-aħħar u mhux l-inqas – it-trasport għall-iskejjel u t-traffiku f’dan iż-żmien tas-sena. Voice of the Workers jittama li t-tħejjijiet għas-servizz ta’ trasport b’xejn għat-tfal kollha li jattendu skejjel tal-Istat, tal-Knisja, tal-Privat u tal-Kindergarten diġa’ saru u huma f’posthom sabiex ma jkollniex kaos fit-toroq. Nittamaw ukoll li l-Gvern ħejja pjan ta’ azzjoni għall-immaniggjar tat-traffiku biex jilqa’ għaż-żieda fil-vetturi, speċjalment fl-iktar ħinijiet kruċjali meta terġa’ tibda l-iskola.