Regoli biex jassiguraw verifiki aħjar u s-sigurta’ tal-oġġetti mibjugħa fl-UE kienu approvati mill-Kumitat tas-Suq Intern dan l-aħħar. 

Il-Pakkett  tal-Oġġetti jkopri żewġ proposti leġislattivi: waħda dwar il-konformita’ u l-infurzar u l-oħra dwar ir-rikonoxximent konġunt. Flimkien dawn jimmiraw li jsaħħu l-kontrolli li jsiru minn  awtoritajiet nazzjonali u mill-uffiċjali tad-dwana biex jipprevjenu prodotti li mhumiex tajbin milli jinbiegħu lil konsumaturi Ewropej kif ukoll biex jagħmluha aktar  faċli għall-kumpaniji, speċjalment, l-SMEs, biex ibiegħu l-prodotti tagħhom madwar l-Ewropa. Dawn il-miżuri wkoll għandhom jipprevjenu negozjanti diżonesti milli jiksbu vantaġġ kompetittiv inġust fuq kumpaniji li jirrispettaw ir-regoli. 

Prodotti mhux tajbn u li mhumiex konformi għadhom jiċċirkolaw fis-suq Ewropew. Spezzjonijiet konġunti mill-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq wrew li 32 fil-mija tal-ġugarelli, 58 fil-mija ta’ apparat elettroniku, 47 fil-mija ta’ prodotti  tal-kostruzzjoni u 40 fil-mija ta’ tagħmir protettiv personali spezzjonat ma jilħqux il-kriterji tas-sigurta’ jew tagħrif tal-konsumatur (bħal  tikketti jew twissijiet) kif  hemm stabbilit fil-liġijiet Ewropej. 

It-tisħiħ tal-koperazzjoni biex ikunu identifikati prodotti difettużi 

Hemm aktar minn 500 awtorita’ differenti responsabbli mis-sorveljanza  fis-suq fl-istati  membri tal-UE.  Ir-regolamentazzjoni proposta dwar il-konformita’ u l-infurzar tipprovdilhom koperazzjoni u koordinazzjoni aħjar, ibbażati fuq aktar  skambju ta’ informazzjoni dwar prodotti difettużi u investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin, kif ukoll permezz tal-ħolqien ta’ qafas Ewropew, fejn il-Membri Parlamentari Ewropej jagħtu dmirijiet u poteri ġodda. Is-sorveljanza tas-suq, inkluż tal-prodotti mibjugħin fuq l-internet, u l-poteri tal-awtoritajiet nazzjonali biex jinvestigaw u jinforzaw ir-regoli wkoll huma msaħħa u ċċarati fl-emendi tal-Membri  Parlamentari Ewropej. 

Il-Kumitat tas-Suq Intern irid metodoloġija komuni għall-evalwazzjoni tar-riskji u kundizzjonijiet uniformi għall-kontrolli dwar kategoriji speċifiċi ta’ prodotti. Il-provvedimenti dwar ftehim ta’ sħubija kienu mneħħija mill-proposta sabiex ikunu evitati konflitti ta’ interess bejn awtoritajiet pubbliċi u operaturi ekonomiċi.