Għall-Budget tal-UE li jmiss għal perijodu fit-tul, il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ iżjed id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni b’Fond Soċjali Ewropew imġedded, il-European Social Fund Plus (ESF+), u Fond Ewropew għall-Aġġustament tal-Globalizzazzjoni msaħħaħ u aktar effettiv (EGF). 

Għall-perijodu 2021-2027, il-European Social Fund Plus se jkun  jiswa €101.2 biljun, u l-Fond għall-Aġġustament tal-Globalizzazzjoni se jkun jiswa €1.6 biljun. It-tnejn huma intenzjonati biex jinvestu fin-nies: jassiguraw li huma  mgħammra bl-aħjar ħiliet meħtieġa sabiex jilqgħu għall-isfidi  u l-bidliet dwar is-suq tax-xogħol, wara l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Fond tal-Ġustizzja, id-Drittijiet u l-Valuri se jkun jiswa’ €947 miljun fuq seba’ snin. Se jappoġġja iżjed l-iżvilupp ta’ Żona Ewropea tal-Ġustizzja bbażata fuq is-saltna tad-dritt u l-fiduċja reċiproka u jassigura lin-nies li jistgħu jgawdu drittijiethom. 

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President għall-Ewro, id-Djalogu Soċjali, l-Istabbilta’ Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni dwar is-Swieq Kapitali, qal: “Dawn  il-proposti jsegwu l-mistoqsijiet fundamentali li ilna nistaqsu mindu ġiet pubblikata l-White Paper dwar il-Futur tal-Ewropa u d-dokumenti ta’ riflessjoni sussegwenti: liema Unjoni Ewropea rridu, kif se nsawruha, u kif se nħallsu  għaliha? L-ambizzjonijiet tagħna għal Ewropa aktar soċjali huma riflessi: irridu finanzjar Ewropew biex jinfilsa ruħu fil-policies tagħna kemm biex  jappoġġja b’mod pro-attiv l-aktar vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna, u biex nirreaġixxu meta  l-globalizzazzjoni u d-diġitazzjoni jħallu l-effett tagħhom.” 

Marianne Thyssen, il-Kummissarju għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Mobbilta’ tax-Xogħol, qalet: “L-Ewropa trid issaħħaħ lin-nies. Il-fondi soċjali l-ġodda, flessibbli u simplifikati tagħna huma  ffokati fuq l-investiment fin-nies: biex inkunu ċerti li għandhom l-aħjar ħiliet, biex inkunu ċerti li għandhom ħarsien soċjali modern addattat għal forom ġodda ta’ xogħol, u biex juru solidarjeta’ ma’ dawk li verament jeħtiġuha.” 

Vytenis Andrukaitis, il-Kummissarju  għas-Saħħa u s-Sigurta’ fl-Ikel, saħqet li: “Is-Saħħa hi valur fundamentali u għalhekk jagħmel sens li l-budget Ewropew tal-futur jipprevjedi l-integrazzjoni tal-programm tas-Saħħa fil-ESF+ taħt il-ġabra ta’ “valuri”. Dan se jwassal għal sinerġiji ġodda u  aktar  b’saħħithom bl-iżviluppi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u jippermettu koordinazzjoni aħjar ta’ investimenti relatati mas-Saħħa. Se jappoġġja wkoll il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, itejjeb l-effettivita’, l-aċċessibbilta’ u r-reżiljenza ta’ sistemi tas-saħħa kif  ukoll inaqqas inugwaljanzi tas-saħħa u jagħmel il-kura tas-saħħa aħjar u ħielsa mill-periklu għall-benefiċċju tal-pazjenti u s-soċjeta’.” 

Vera Jourova, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumatur u l-Ugwaljanza tas-Sessi, qalet: “Bil-proposta għal Fond ġdid għall-Ġustizzja, id-Drittijiet u l-Valuri, aħna nkunu ċerti li nagħtu  l-aħjar appoġġ possibbli għal inizjattivi li jsaħħu d-drittijiet, il-valuri u s-saltna tad-dritt fl-Unjoni Ewropea. Fi żmien fejn is-soċjetajiet Ewropej huma konfrontati bl-estremiżmu, ir-radikaliżmu u d-diviżjonijiet, huwa aktar  importanti minn qatt qabel li nippromwovu, insaħħu  u niddefendu  l-ġustizzja, id-drittijiet u l-valuri Ewropej. L-NGOs u s-soċjeta’ ċivili għandhom rwol kruċjali biex jappoġġjaw dawn il-valuri Ewropej. Fl-istess waqt jeħtieġ li nappoġġjaw l-istati membri fl-isforz konġunt tagħna li ntejbu l-kooperazzjoni ġudizzjarja u nżidu l-fiduċja reċiproka fil-qasam komuni tagħna tal-ġustizzja.”