Fis-settur marittimu, Malta għandha storja twila u ta’ suċċess. L-istrateġija tal-gvernijiet mal-medda taż-żmien kienet dik li, b’inizjattivi legali u prattiċi tajbin, jirreplikaw dan is-success fis-settur tal-avjazzjoni. L-ewwel pass lejn din id-direzzjoni kien it-tibdil fil-liġi li kien maħsub u intenzjonat biex jixpruna din l-industrija. 

Voice of the  Workers tkellem mal-Avukat Silvana Zammit,  partner responsabbli mil-Liġi tal-Avjazzjoni, mal-kumpanija legali Chetcuti Cauchi Advocates.   

Hi qalet li Malta għamlet passi ‘l quddiem biex tikseb postha bħala waħda mill-aqwa stati fis-settur tal-avjazzjoni. Iż-żieda ta’ reġistrazzjonijiet tal-ajruplani, kif ukoll l-ammont sostanzjali ta’ azjendi kummerċjali li qed jibbażaw l-operat tagħhom f’Malta, huma xhieda ta’ dan.  L-effetti ta’ dan l-avvanz fis-settur infirxu mal-erbat irjieħ! Minn opportunitajiet għall-inġiniera, għal entitajiet legali li jassistu lil min irid jimraħ f’opportunitajiet ġodda f’pajjiżna, għal interpriżi li joffru servizzi finanzjarji, dawk li joffru servizzi anċillari bħall-manutenzjoni tal-ajruplani, għas-setturi tal-ospitalita’ u proprjeta’, fost l-oħrajn.  

Waqt li s-settur għadu m’huwiex kbir daqs dak marittimu, li hu important ħafna għall-Malta, dak tal-avjazzjoni miexi fid-direzzjoni t-tajba u qed jirreġistra tkabbir minn sena għall-oħra. 

Mitluba tikkummenta għaliex bil-Brexit, is-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna mistenni jmur ‘il quddiem, l-Avukat Zammit fissret li s-settur tal-avjazzjoni f’Malta jgawdi mill-fatt li Malta hija parti mill-Unjoni Ewropea. Pajjiżna wkoll igawdi minn  diversi konvenzjonijiet li huma essenzjali biex jiġi aċċertat titjir sikur.  

Il-fatt li Malta hija parti mill-Unjoni Ewropea joffri vantaġġi kbar għal operaturi tal-ajru. Dan grazzi għal wieħed mill-pilastri instrinsiċi tal-Unjoni – il-moviment ħieles, inkluż il-moviment ħieles ta’ servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri. Dan ifisser li operatur li jiġi lliċenzjat minn Malta biex joffri servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri, jista’ jagħmel dan mingħajr xkiel fil-pajjiżi l-oħrajn kollha tal-Unjoni. Dan, u vantaġġi oħrajn, ipoġġu lil Malta fuq quddiem fil-mument meta kumpaniji internazzjonali jkun qed jikkunsidraw x’se jkun il-pass li jmiss.  

Hi qalet li fiċ-ċirkustanzi internazzjonali dan jgħodd b’mod speċjali għal dawk il-kumpaniji li bħalissa huma bbażati fir-Renju Unit u li mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jistgħu jaffaċċjaw sitwazzjonijiet fejn ikollhom iġibu permessi u liċenzji ġodda għal-titjir fl-UE. Il-gżejjer Maltin qed ikunu kunsidrati bħala solużjoni vijabbli għal kumpaniji stabbiliti, kif ukoll għal dawk li għadhom qed jikkunsidraw possibbiltajiet ġodda f’settur li ma jiqafx jevolvi.  

L-Avukat Zammit żiedet li llum is-settur qed jiġbed lejh biżżejjed ħaddiema kwalifikati. Is-settur qed jiżżewwaq b’diversità wiesa’ ta’ ħaddiema kwalifikati li mhux talli tgħallmu sew kif taħdem id-dinja tal-avjazzjoni, iżda qed ikunu katalisti importanti biex is-settur jibqa’ jikber u jevolvi mhux biss f’Malta imma anke f’pajjiżi barranin.  

Hi qalet li l-industrija tal-avjazzjoni tirrikjedi ħaddiema speċjalizzati li ma jiqfux jitgħallmu affarijiet ġodda. Jista’ ikun li jekk is-settur ikompli jikber, jinħoloq il-bżonn ta’ aktar nies kwalifikati li jispeċjalizzaw f’din l-industrija. Waħda mill-affarijiet essenzjali biex is-settur jibqa’ jkollu ħaddiema kwalifikati u ta’ livell għoli hija l-kontinwità fit-tagħlim li jista’ ikun li tirrikjedi żieda f’iskejjel jew programmi speċjalizzati fuq dan is-settur.  

L-Avukat Zammit kompliet  li fl-aħħar snin, is-settur lokali tal-avjazzjoni kompla jikber. Każ ċar ta’ dan hu ż-żieda fir-reġistrazzjonijiet u kumpaniji li għażlu lil Malta biex joperaw minnha. Impjegati ta’ kwalità, ekonomija stabbli u l-qagħda ġeografika tagħna, jagħmlu lil artna bażi ta’ livell għoli f’din l-industrija.   

Hi fissret li dan l-aħħar, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ l-ewwel Airbus A380 fuq il-mitjar tagħna.  Madankollu, meta mqabbel ma’ industriji oħrajn, is-settur tal-avjazzjoni f’Malta għadu relattivament fl-infanzja tiegħu b’potenzjal qawwi biex ikompli jikber. Il-bazi qiegħda hemm!