Il-Parlament Ewropew mistenni jivvota matul dan ix-xahar fuq proposta leġislattiva mmirata biex ittejjeb is-sigurta’ tal-karti tal-identita’ taċ-ċittadini Ewropej, kif ukoll dokumenti ta’ residenza li jinħarġu lil ċittadini Ewropej u l-familji tagħhom. Il-proposta qed tfittex li tbiegħed l-użu ta’ dokumenti foloz, li t-terroristi u l-kriminali jistgħu jippreżentaw meta jidħlu fl-UE minn pajjiżi li mhumiex fl-UE. 

Skont ir-rapport annwali tal-2018 dwar il-mobbilta’ tax-xogħol fi ħdan l-UE, 17-il miljun ċittadin Ewropew jgħixu u aktar minn 12-il miljun jaħdmu fi stat membru li mhux il-pajjiż fejn  twieldu. Kull sena, aktar minn biljun persuna jsiefru l-UE jew jaqsmu l-fruntieri esterni tagħha. Bħalissa, hemm tal-inqas 86 tip differenti ta’ karta tal-identita’, u 181 tipi differenti ta’ dokument ta’ residenza fiċ-ċirkulazzjoni fl-UE. Il-pussess ta’ karta tal-identita’ hija obbligatorja fi 15 minn 26 stat membru fl-UE li joħorġu karti tal-identita’ liċ-ċittadini tagħhom. Iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jużaw tali karti bħala dokumenti tal-ivjaġġar, kemm jekk jivvjaġġaw fi ħdan l-UE, u biex jidħlu fl-UE minn pajjiżi li  mhumiex fl-unjoni. Il-livelli miżjuda ta’ mobbilta’ taċ-ċittadini, flimkien ma’ qafas regolatorju frammentat, jagħmlu s-sigurta’ tal-ivjaġġar u dokumenti ta’ identifikazzjoni bħala element importanti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalita’ organizzata. 

Il-Kummissjoni Ewropea saħqet dwar  il-ħtieġa li jitbiegħed l-abbuż u t-theddida fuq is-sigurta’  interna li jinqalgħu minn fallimenti  fis-sigurta’ tad-dokumenti fil-komunikat tal-2016 fuq ‘It-tisħiħ tas-sigurta’ f’dinja ta’ mobbilta’: skambju msaħħaħ ta’ informazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u fruntieri esterni iżjed imsaħħa’.  F’Diċembru 2016, il-Kummissjoni ħarġet pjan ta’ azzjoni sabiex issaħħaħ ir-rispons Ewropew għall-frodi fid-dokument  tal-ivjaġġar. Il-Kunsill aċċetta l-objettivi ta’ dan  il-pjan  ta’ azzjoni fl-2017. 

Il-proposta għal regolamentazzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ l-arranġamenti tas-sigurta’ preżenti fi tliet setturi: l-ewwel, il-karti ta’ identifikazzjoni taċ-ċittadini Ewropej; it-tieni, ċertifikati ta’ reġistrazzjoni maħruġa lil ċittadini Ewropej li joqogħdu għal aktar  minn tliet xhur fi stat membru ieħor; u t-tielet, karti ta’ residenza maħruġin lil membri tal-familja ta’ ċittadini Ewropej li mhumiex ċittadini ta’ stat membru. Il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għal addozzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fis-17 ta’ April 2018. 

Wara  l-addozzjoni tal-Kunsill fuq il-pożizzjoni  tagħha f’Novembru 2018, il-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (LIBE) addotta r-rapport tiegħu dwar  il-proposta tal-Kummissjoni fis-6 ta’ Diċembru 2018. In-negozjaturi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill iltaqgħu f’Jannar 2019, u laħqu ftehim fi Frar 2019. Il-Kumitat LIBE ippropona li l-istati membri kollha jirrikonoxxu l-karti tal-identita’  nazzjonali maħruġin mill-istati membri liċ-ċittadini tal-unjoni. Saħaq dwar il-ħtieġa li jkunu identifikati regoli ċari għall-perijodu ta’ validita’ (10 snin bħala regola, imnaqqsa għal ħames snin għall-minuri). Il-kumitat ukoll issuġġerixxa li t-tneħħija gradwali ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni antiki ssir fi żmien tmien snin.