Wara snin fid-dlam, il-mard mentali sa fl-aħħar qed jingħata l-attenzjoni li jixraqlu tant li qed ikun enfasizzat ħafna fil-media. Jintqal ħafna fuq l-isfidi u l-problemi li ż-żgħażagħ qed jaffaċċjaw fil-ħajja. Nitkellmu wkoll fuq is-saħħa mentali ta’ persuni fl-eta’ ta’ qabel ma jaslu għall-pensjoni. Iżda l-mard mentali ma jintemmx meta persuna ssir anzjana – anzi, fil-fatt, lanqas biss jintemm. 

Il-ġlieda kontra s-solitudni hija l-aktar fattur li għandu jiġi indirizzat. Għalkemm il-Gvern jivvota parti mill-Budget tiegħu għall-ħarsien tal-anzjani, dan mhux biżżejjed. Is-solitudni xi kultant hija ppreżentata bħala l-problema prinċipali meta niġu biex nittrattaw il-mard mentali fost persuni avvanzati fl-eta’. Ħafna mis-sinjali ta’ problemi mentali diġa’ jkundijanjosati fis-snijn ta’ qabel. Hawn nies li ħabbtu wiċċhom mal-mard  mentali għomorhom kollu. L-iżolament soċjali jista’ jikkontribwixxi għall-problemi tagħhom iżda din mhix l-istampa kollha. 

Fil-fatt, fatturi oħrajn ukoll huma importanti. Wieħed isemmi kundizzjonijiet fiżiċi u l-aċċess għas-servizzi li saħansitra qed jgħolli rasu. Forsi hawn min jgħid li t-tnaqqis fis-servizzi hija l-kawża ta’ xi mard mentali iżda jista’  jkun ukoll il-mod kif is-servizz qed jitwassal lill-persuna konċernata 

L-awtoritajiet tas-saħħa, bl-intenzjoni li jgħinu lit-tobba tal-familja biex jidentifikaw problemi ta’ saħħa mentali fl-anzjani, jirrimarkaw li l-professjonisti qed jirriskjaw li jattribwixxu s-sintomi sempliċiment għall-anzjanita’. Persuni avvanzati fl-eta’ huma sitt darbiet aktar suxxettibbli minn adulti iżgħar, li jingħataw xi forma ta’ kura mit-tobba tagħhom. Iżda bir-riċerka li wkoll qed turi prevalenza għolja ta’ anzjani li jagħmlu ħsara lilhom infushom, hemm raġunijiet validi biex tali persuni jingħataw kura medika. Fuq livell aktar bażiku, meta nirrikonoxxu li l-mard mentali mhix problema li tisparixxi f’daqqa waħda meta  wieħed jikber fl-eta’, tkun qabża kbira ‘l quddiem. 

Jekk aħna verament impenjati sabiex niġġieldu l-istigma fis-soċjeta’ tagħna, li nżidu l-provvediment  tas-servizzi u li ntejbu l-ħajja ta’ persuni morda mentalment, irridu naħdmu iżjed. Li nitkellmu iżjed dwar il-mard mentali mhux biżżejjed. Irridu wkoll naħsbu fuq dak li qed ngħidu u lil min qed nindirizzaw.