Jekk intom midħla tal-media soċjali tafu li t-trolls huma dawk li jipprovaw jieħdu r-riedni f’idejhom fuq dak li jingħad fuq l-internet. Qegħdin hemm biex joffendu, u xi kultant jagħmlu l-ħajja ta’ dak li jkun miżerabbli. 

L-internet huwa mimli b’persuni li jistqarru l-opinjonijiet tagħhom,  inkluż persuni mweġġgħin li jridu jaqsmu t-tħassib tagħhom. Imma mhux l-istess jingħad ma’ dawn ‘ix-xjaten diġitali”. 

It-trolls huma persuni jew programmi li jibgħatu materjal bl-iskop li jipprovokawSpiss it-trolls ma jemmnux kelma li jiktbu imma jniżżluha xorta waħda għas-sempliċi raġuni biex jinku jew jirrabjaw lil ħaddieħor.  

Barra minn hekk it-trolls stess jiġu provokati faċilment, tant hu hekk li kumment wieħed huwa biżżejjed sabiex jinġibdu ‘l barra. Forsi wieħed m’għandux jieħu lit-trolls bis-serjeta’. “Titmax lit-trolls” huwa appell li spiss jingħata lil min iġarrab diskors dispreġjattiv fuq il-paġna tal-media soċjali. 

Imma min-naħa l-oħra jekk ħadd ma jisfida lit-trolls, dawn ikunu kisbu l-għan tagħhom u jagħtu l-impressjoni li ħafna nies jaqblu ma’ dak  li jgħidu. Xi trolls jattakkaw lill-minoranzi u oħrajn ixewxu jew ixerrdu teoriji ta’ konfoffa. Dan bl-iskop li jxekklu d-dibattitu raġonevoli li jkun qed isir fuq l-internet.  

Allura toqgħodx paxxut bilqiegħda u tinjorahom imma l-aħjar għażla hi li tinvestiga min qed ikun it-troll li qed iħarbat is-sistemi tiegħek. Ħafna trolls umani huma professjonali jkunu mħallsa sabiex jitfgħu kummenti fuq bloggs jew websites popolari. Imbagħad hemm dawk jgħidulhom  bots, li huma programmi li jitfgħu l-kummenti b’mod awtomatiku.  

It-trolls rari jkollhom ħbieb u lanqas itellgħu ritratti fuq il-profiles personali tagħhom. Ma jagħmilx sens li tipprova tirraġuna magħhom għax x’aktarx ikunu prodotti ta’ fabbrika tat-trolls. Minflok wieħed għandu jirrappurtahom; għandu jirrikorri għall-għajnuna,  bħas-Cybercrime Unit tal-Korp tal-Pulizija.  

L-isforz kollettiv għandu jkun biex wieħed jiġġieled lit-trolls. Dawn jistgħu ma jaqtgħux qalbhom imma tal-inqas ma jiħdux dak li jridu, jiġifieri, l-attenzjoni.