Il-MEUSAC u ċ-Ċentru ta’ Informazzjoni Europe Direct fil-belt Valletta, huma l-ħin kollu jfittxu modi biex jilħqu liċ-ċittadini fuq oqsma relatati mal-UE fejn ir-rwoli ta’ dawn iż-żewġ entitajiet mhumiex sempliċiment kif se jwasslu l-messaġġ Ewropew u biex jinformaw liċ-ċittadini imma aktar importanti, li jagħtu opportunita’ liċ-ċittadini li jsemmgħu l-veduti u t-tħassib tagħhom u biex iħossu li tabilħaqq huma parti mill-UE. 

Avveniment li qed ikun organizzat f’Mejju se jservi bħala one-stop-shop dwar informazzjoni mill-UE – fiera  informattiva sabiex tfakkar Jum l-Ewropa fid-dħul tal-belt Valletta fid-9 ta’ Mejju. 

Numru ta’ stands, inkluż dawk tal-MEUSAC u Europe Direct, se jifformaw parti mill-pjattaforma ta’ informazzjoni dwar l-Ewropa għaċ-ċittadini. 

L-avveniment wkoll ġej fi żmien meta l-Parlament Ewropew qed jintensifika l-kampanja tiegħu madwar l-istati membri kollha, inkluż Malta, fuq l-elezzjonijiet Ewropej li jsiru aktar tard f’Mejju. Il-MEUSAC bħalissa qed jaħdem flimkien mal-liason office tal-Parlament Ewropew biex jenfasizza l-importanza ta’ dawn l-elezzjonijiet. 

Jekk tixtieq aktar  informazzjoni dwar il-fiera informattiva, ibgħat email lil info.meusac@gov.mt jew edicvalletta.meusac@gov.mt