L-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li se jsiru bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju, huma wieħed mill-akbar avvenimenti demokratiċi fid-dinja. Madwar 500 miljun ċittadin Ewropew se jkollhom l-opportunita’ li jinfluwenzaw id-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-futur. 

Politiċi mill-partiti taċ-ċentru-lemin u taċ-ċentru-xellug s’issa kellhom maġġoranza komda fl-istituzzjonijiet prinċipali tal-UE, inkluż il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. 

Madankollu, dan iż-żmien jista’ jintemm bl-elezzjonijiet ta’ Mejju 2019, minħabba t-tnaqqis fl-appoġġ għall-partiti tradizzjonali, il-qawmien tal-populisti kemm fuq in-naħa tar-radikali tal-lemin u dawk tax-xellug, kif ukoll entitajiet politiċi ġodda. 

L-elezzjonijiet se jkunu qed isiru fi żmien ta’ taqlib politiku għall-Unjoni Ewropea. Numru dejjem jiżdied ta’ politiċi Ewropej ma jilqgħux id-demokrazija, is-saltna tad-dritt, innon-diskriminazzjoni u valuri oħrajn tas-soċjeta’. Jekk il-bilanċ eżistenti tal-poter jinbidel, grupp kumpless ta’ forzi jista’ jiżviluppa b’aktar koalizzjonijiet ad hoc matul l-ispettru politiku tradizzjonali. Filwaqt li dan jista’ jdgħajjef l-effiċjenza leġislattiva tal-Parlament, proċess aktar  miftuħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet jista’ jkollu effett pożittiv fuq l-interess pubbliku fid-demokrazija f’livell Ewropew. 

Iżda jekk il-partiti populisti jiksbu biżżejjed poter biex jimblokkaw deċiżjonijiet kruċjali, il-partiti l-oħrajn kollha se jkollhom jingħaqdu sabiex iħallu lill-UE tiffunzjona. Jekk ma jagħmlux dan, gvernijiet membri fl-UE jispiċċaw biex jibdew jaqbżu lill-Parlament ħalli jiftehmu bejniethom. 

Minkejja dan kollu, ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew se jiddeterminaw, jekk membri tal-Parlament Ewropew humiex se jkun difensuri b’saħħithom tat-tolleranza u l-valuri demokratiċi fl-Ewropa, jew il-Parlament jiddgħajjef dwar dawn il-kwistjonijiet; jekk il-politiċi li jibbażaw il-kampanji tagħhom fuq teoriji ta’ konfoffa, biża’ u qasma soċjali humiex se jkunu ppremjati b’xi promozzjoni; u jekk l-UE hux se tkun b’saħħitha biżżejjed biex tassigura li gvernijijiet ribelli ma jitolbux sussidji ekonomiċi waqt  li jirrifjutaw biex jirrispettaw id-drittijiet tar-residenti u taċ-ċittadini tagħhom. 

Irrispettivament mir-riżultat tal-elezzjonijiet, Voice of the Workers jibqa’ jappoġġja sforzi biex iwessgħu l-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni politika, li jkunu mrawwma dibattiti politiċi inklussivi u tolleranti, biex ikunu  esposti kampanji ta’ informazzjoni falza li  jfittxu biex jimmanipulaw l-elezzjonijiet, jibqa’ jappoġġja l-valuri tas-soċjeta’ fl-UE fil-ġejjieni, u jawgura biex tinħoloq kontabbilta’ iktar  politika fi ħdan  l-Unjoni Ewropea.