L-Elezzjonijiet Ewropew jinsabu wara l-kantuniera u matul dawn l-aħħar xahrejn iċ-Ċentru ta’ Informazzjoni Europe Direct fil-belt Valletta, ospitat minn MEUSAC, kien pjuttost attiv billi inkoraġġixxa lill-votanti biex jagħmlu għażla informata. 

Matul Marzu, Europe Direct Valletta organizza serje ta’ serati ċinematografiċi bħala parti mill-kampanja mifruxa mal-Ewropa kollha dwar l-elezzjonijiet  tal-Parlament Ewropew thistimeimvoting.eu. 

Qabel il-wiri ta’ kull film, l-udjenza ngħatat spjegazzjoni dwar il-kampanja flimkien mal-preparazzjonijiet li kienu għaddejjin qabel l-elezzjonijiet. 

Barra  minn hekk, matul l-ewwel ġimgħa ta’ April, Europe Direct Valletta u l-MEUSAC żaru numru ta’ swieq sabiex jinformaw lill-pubbliku dwar l-importanza tal-elezzjonijiet li ġejjin u dwar il-kampanja thistimeimvoting.eu. 

Aktar minn hekk, Europe Direct Valletta u l-Liason Office tal-Parlament Ewropew f’Malta organizzaw sessjonijiet informattivi  għal dawk li se jivvotaw l-ewwel darba. L-attivitajiet saru fl-Universita’ ta’ Malta, fil-Junior College tal-Imsida u fl-Iskola Sekondarja Giovanni Curmi, in-Naxxar. Dawn is-sessjonijiet servew bħala eżerċizzju ta’ simulazzjoni tal-votazzjoni għal dawk li se  jivvotaw għall-ewwel darba. 

Għal aktar informazzjnoni dwar l-elezzjonijiet li ġejjin tal-Parlament Ewropew żur is-sit  http://europedirectmalta.info/ jew inkella ċempel fuq 2200 3316 jew ibgħat email lil edicvalletta.meusac@gov.mt