Fl-14 ta’ Lulju, il-Kunsill tal-UE u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar il-programm ta’ politika 2030 ‘Path to the Digital Decade’.

Dan il-programm jiżgura li l-UE tilħaq l-objettivi u l-miri tagħha għat-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa kif previst fil-Pjan Diġitali tal-2030 li jistabbilixxi viżjoni tal-UE li tilħaq b’suċċess tranżizzjoni diġitali sal-2030.

Il-Programm ta’ Politika ta’ Deċennju Diġitali għandu l-għan li jsaħħaħ it-tmexxija diġitali tal-UE billi jippromwovi politiki diġitali inklużivi u sostenibbli li jservu liċ-ċittadini u lin-negozji.

Għal dan il-għan, jistabbilixxi miri diġitali konkreti fl-oqsma tal-ħiliet, l-infrastrutturi diġitali siguri u sostenibbli, it-trasformazzjoni diġitali tan-negozji u d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi li l-UE taspira li tikseb sal-aħħar tad-deċennju.

Biex jiġi żgurat li dawn il-miri u l-għanijiet jintlaħqu madwar l-UE, dan il-programm ta’ politika jintroduċi mekkaniżmu ġdid ta’ monitoraġġ li huwa bbażat fuq il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea.

Il-Programm ta’ Politika ta’ Deċennju Diġitali issa jeħtieġ li jiġi approvat formalment mill-Kunsill tal-UE u l-Parlament Ewropew qabel ma jidħol fis-seħħ.