Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana dan l-aħħar kien rappurtat li beda eżerċizzju ta’ tnaqqis fl-ispejjeż biex ikunu frankati €200 miljun. Miżura drastika bħal din qed tiġi ġġustifikata minħabba li l-politika tal-gvern li jassorbi ż-żieda fil-prezz fil-prezzijiet tal-fuel biex tittaffa l-inflazzjoni qed tiswa ħafna flus. Il-finanzi pubbliċi diġà ħadu daqqa kbira bil-pandemija, u sfortunatament  il-gwerra fl-Ukrajna kompliet tgħarraq is-sitwazzjoni. Sa hawn l-iskop ewlieni wara din id-deċiżjoni jista’ jkollu bażi anki jekk dan kollu jista’ ma jkunx popolari. Il-flus ma jiġux mix-xejn u f’każi bħal dawn trid taqta’ minn x’imkien. Madankollu, l-akbar problema tal-gvern hija l-ftehim korrott tal-sptarijiet iffirmat ma’ Vitals Global Healthcare li ġie trasferit lil Steward Health Care.

Mill-ewwel jum il-UHM Voice of the Workers kienet wissiet fuq dan il-ftehim u flimkien mal-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta kienet talbet għal investigazzjoni mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika permezz tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi. Fl-ewwel parti tal-investigazzjoni, l-NAO ikkonkluda li dan il-ftehim kien “kollużiv” u qatt ma kellu jiġi ffirmat. Imma kemm qed jiswina? Dan il-ftehim skandaluż immexxi mill-eks ministru Konrad Mizzi diġà swielna aktar minn €400 miljun permezz ta’ allokazzjonijiet annwali tal-baġit, u għad fadal 25 sena oħra biex tintemm il-konċessjoni. Biex tgħaxxaq, jekk il-gvern jirrifjuta li jġedded il-kuntratt ta’ 30 sena, għal 69 sena oħra sal-2115, ikollu jħallas €80 miljun. Inkella, jekk il-gvern jagħżel li jirrevoka l-ftehim immedjatament ikun hemm multa separata ta’ €100 miljun. Intant, m’hemm l-ebda sinjal tal-isptar il-ġdid f’Għawdex filwaqt li l-isptar San Luqa qed jaqa’ f’biċċiet, minkejja l-obbligu kuntrattwali li jorbot lill-konċessjonarju biex iwettaq dawn il-proġetti. Ħafna mill-miljuni li ntefqu s’issa f’dan il-ftehim sparixxew. Barra minn hekk, dawn l-obbligi kuntrattwali ma ġewx sodisfatti inklużi ħafna wegħdiet li saru lill-impjegati. L-investigazzjoni tal-NAO sabet li Vitals naqset milli tħallas il-bolla u t-taxxi tal-PAYE tal-impjegati tagħha, peress li l-flus intefqu għal skopijiet oħra mhux magħrufa.

Ma jistax ikollok l-awtorità morali li tissikka ċ-ċinturin jekk fl-istess ħin qed tippompja mijiet ta’ miljuni fuq ftehim bħal dan li s’issa ma ġab assolutament xejn lura. Il-ftehim tal-isptarijiet għandu jitħassar immedjatament.