Ir-Rapport dwar l-Impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa 2022 ippubblikat reċentement, mill-Kummissjoni Ewropea juri li ż-żgħażagħ taħt it-30 sena kienu fost l-aktar affettwati b’mod negattiv mit-telf ta’ impjiegi matul il-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. Juri wkoll li l-irkupru kien aktar bil-mod għalihom milli għal gruppi ta’ etajiet oħra. Spjegazzjonijiet possibbli huma marbuta mas-sehem għoli tagħhom ta’ kuntratti għal żmien definit u diffikultajiet biex isibu l-ewwel impjieg wara li jitilqu mill-iskola, l-università jew it-taħriġ.

Ir-rapport il-ġdid jgħin biex jiġu identifikati l-politiki tal-impjiegi u soċjali meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ biex isiru ekonomikament indipendenti.

Fost is-sejbiet ewlenin tar-rapport, iż-żgħażagħ għadhom jiffaċċjaw sfidi sinifikanti biex isibu impjieg, jew biex isibu impjiegi li jaqblu mal-ħiliet u l-esperjenza tagħhom. Iż-żgħażagħ b’edukazzjoni sekondarja huma 19-il punt perċentwali inqas probabbli li jispiċċaw f’sitwazzjoni fejn ma jaħdmux u ma jkunux fl-edukazzjoni jew taħriġ minn dawk b’livell ta’ edukazzjoni aktar baxx. Għal dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja, dan ir-riskju huwa 28 punt perċentwali inqas. Żgħażagħ minn setturi żvantaġġati huma għandhom inqas ċans li jkunu f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ.