Philip von Brockdorff, konsulent ta’ UĦM Voice of the Workers u  l-Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fl-Universita’ ta’ Malta għadu kemm ġie nominat fuq il-European Semester Group fi ħdan il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE). Dan  il-grupp jagħti rispons lill-Kummissjoni Ewropea fuq riformi fil-qasam tax-xogħol, il-pensjonijiet u l-ekonomija.

Voice of the Workers tkellem ma’ Dr. von Brockdorff u fost oħrajn stqarr li hu bħala membru mill-Grupp tal-Ħaddiema, ġie nominat fuq Opinjonijiet relatati mal-Budget propost mill-Kummissjoni Ewropea. Dan hu straordinarju u kien hemm numru ta’ pajjiżi ferm akbar minn Malta li ma kellhomx rapporteur fuq dawn l-Opinjonijet.

L-intervista sħiħa hi kif ġej:-

  1. X’se jkun ir-rwol tiegħek f’dan il-kumitat?

Bħala membru tal-Grupp tat-Trade Unions jew Grupp 2, u bħala ekonomista, ir-rwol tiegħi hu li nressaq il-pożizzjoni tiegħi fuq aspetti ekonomiċi u l-ħtieġa li jitħarsu l-interessi tal-ħaddiema fl-UE f’sitwazzjoni fejn in-neoliberaliżmu u l-preżenza ta’ partiti politiċi mil-lemin estrem dejjem qed tikber. Relatat ma’ dan, ġejt nominat mill-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) bħala rapporteur fuq Opinjoni marbuta mal-Budget tal-UE, il-proposta tal-ħaddiema tal-Kummissjoni Ewropea għal European Investment Stabilisation Function. Fl-istess ħin ġejt innominat ukoll fuq study groups fuq aspetti ekonomiċi tal-għaqda monetarja Ewropea.

  1. Għandek xi ideat li tixtieq tisfruttahom f’dan il-kumitat?

Bħala membru tal-KESE, hu neċessarju li nsemma opinjoni konsistenti mal-politika tal-ħaddiema Grupp tat-Trade Unions. Riċentement ġejt innominat fuq il-European Semester Group li r-rwol tiegħi hu li nressaq pożizzjoni uffiċjali dwar il-politika ekonomika u soċjali għax-xhur li ġejjin permezz tal-Annual Growth Survey li tressaq il-Kummissjoni Ewropea. F’din l-isfida se jkolli rwol attiv fix-xhur li ġejjin permezz ta’ parteċipazzjoni fi study group imsejjaħ Annual Growth Survey Committee.

Fl-opinjoni tiegħi l-prijoritajiet għall-UE għandhom ikunu: il-ħarsien u t-twettiq tad-drittijiet tal-ħaddiema permezz tat-twettiq tal-Pilastru Ewropew għal Drittijiet Soċjali u l-ħarsien tan-negozjar kollettiv; il-ħtieġa li l-investiment fil-qasam soċjali u fl-infrastruttura jiżdied; u, fl-aħħar, analiżi tal-impatt tar-revoluzzjoni diġitali fil-qasam tax-xogħol. Dawn il-prijoritatjiet se nressaqhom bħala membru tal-istudy group.

  1. Kemm kien produttiv il-KESE matul din is-sena? X’kien is-sehem tiegħek?

Il-KESE jaħdem bla waqfien biex iressaq il-pożizzjoni tiegħu fuq diversi temi u żviluppi fl-UE: kemm soċjali, ekonomiċi, suq intern waħdieni, trasport u agrikoltura, fost oħrajn. Il-KESE irid iwassal leħnu b’mod qawwi permezz tal-mexxejja tiegħu u l-kompetenzi tal-membri tagħha. F’dan il-kuntest, u bħala membru tal-KESE, il-parteċipazzjoni tiegħi f’diversi study groups u fil-European Semester Group ifisser involviment dirett fil-ħidma tal-KESE.

  1. Kif tqabbel il-kontribut tar-rappreżentanti Maltin fl-KESE ma’ dak ta’ rappreżentanti minn pajjiżi oħrajn fl-UE?

Peress li n-numru tar-rappreżentanti Maltin fil-KESE hu ta’ ħamsa, hu impossibbli li nlaħħqu mal-ħidma kollha li tagħmel il-KESE. Iżda hu ta’ sodisfazzjon kbir għal Malta li żewġ rappreżentanti minn ħamsa, Stefano Mallia mill-Grupp ta’ Min Iħaddem, u jien bħala membru mill-Grupp tal-Ħaddiema, ġejna nominati fuq Opinjonijiet relatati mal-Budget propost mill-Kummissjoni Ewropea. Dan hu straordinarju u kien hemm numru ta’ pajjiżi ferm akbar minn Malta li ma kellhomx rapporteur fuq dawn l-Opinjonijet.

  1. X’inhuma l-isfidi għall-KESE għaż-żmien li ġej? Hemm xi nuqqasijiet li jridu jiġu indirizzati?

L-isfida ewlenija għall-KESE tibqa’ li twassal leħinha bil-qawwa kollha biex tinfluwenza l-politika ekonomika u socjali fl-UE. Dan jiddependi fuq l-insistenza ta’ min imexxiha, il-kwalita’ tal-Opinjonijiet li l-KESE hi obbligata tressaq lill-Kummissjoni Ewropea u għalhekk il-kompetenza ta’ min ikun nominat mill-pajjiżi membri fil-KESE.