Il-Budget li ġie ppreżentat mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna t-Tnejn 22 ta’ Ottubru huwa riċiklaġġ ta’ proposti eżistenti filwaqt li jkopri pjani u miżuri short-term flok jaħseb għal perijodu fit-tul.

Mhux ta’ b’xejn li fl-ewwel reazzjonijiet  tiegħu għall-Budget, Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li “dan huwa budget li qed jindirizza pockets tas-soċjeta’ imma min-naħa l-oħra huwa nieqes minn viżjoni ekonomika fit-tul.”

Il-Gvern qed jipprova jikkuntenta ċertu sezzjonijiet tal-popolazzjoni, bħal il-pensjonanti u l-familji bit-tfal. Huwa fatt li l-Budget għas-sena d-dieħla jkopri diversi miżuri pożittivi bħall-għajnuna lill-pensjonanti bl-għoti ta’ €4.50 fil-ġimgħa inkluż il-COLA; iż-żieda ta’ ġurnata leave u t-tneħħija tal-miżati għall-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC  kif ukoll mediċini kontra l-kanċer li se jingħataw b’xejn mill-Gvern.

Madankollu, il-UĦM Voice of the Workers tinsab diżappuntata għax numru ta’ proposti mressqa minnha ma ġewx ippreżentati. Wieħed isemmi l-mekkaniżmu għall-protezzjoni tal-pagi tal-ħaddiema. Lanqas fejn jidħlu l-ħaddiema barranin, il-Budget ma għamel ebda referenza dwar kif se tkun indirizzata s-sitwazzjoni tal-ħaddiema barranin li qed innaqqru min-negozjar kollettiv. Dan  il-portal jisħaq li x-xogħol għandu jkun ta’ kwalita’ aħjar  u li jrendi pagi aktar tajbin għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.

Voice of the Workers ma jaqbilx mal-Home Equity Release għax permezz tagħha l-pensjonant Malti jrid ibigħ il-proprjeta’ tiegħu sabiex jiffinanzja l-pensjoni tiegħu. Din l-iskema se taffettwa l-ġenerazzjonijiet ta’ wara għax se jispiċċaw biex jitilfu l-assi tal-ġenituri. Skema bħal din tnaqqas is-saħħa tal-wirt li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Hawnhekk naraw eżempju ċar ta’ kif il-Gvern ma ħarisx fit-tul.

Dan il-portal jagħmel referenza għall-Equity Sharing Scheme. Il-Gvern se jkun  qed iniedi din l-iskema fejn persuni li jkunu għalqu l-40 sena u jitħajru jixtru dar, filwaqt li l-persuna tkun tista’ tħallas mhux inqas minn nofs il-prezz tal-proprjeta’, se jkun possibbli li l-bank isellef il-kumplament tan-nefqa u l-persuna tħallas is-self fuq numru ta’ snin. Il-Gvern se jkun qed iħallas l-imgħax għal perijodu ta’ żmien li l-persuna tkun intrabtet li tħallas is-self. Għal Voice of the Workers, din l-iskema hi skema tajba fil-prinċipju iżda s’issa hi nieqsa minn ħafna dettall u dak li  jkun ma jafx sewwasew kif se titħaddem.

U xi ngħidu dwar is-surplus? Mhux se noqgħod indur mal-lewża għax hu fatt pożittiv li dan is-surplus laħaq kważi €400 miljun. Imma kemm verament qed jinfirex man-nies u kemm qed jitqassam b’mod ġust partikularment fost dawk li mhumiex ilaħħqu mal-ħajja? F’ekonomija li sejra tajjeb konna nippretendu li dan il-Gvern jindirizza bis-serjeta’ lil dawk in-nies li mhumiex ilaħħqu mal-kirijiet jew dawk li qed jispiċċaw fuq ix-xifer tal-faqar.

Dan hu budget bla viżjoni ekonomika fit-tul għax jaħseb biss dwar perijodu qasir flok studja u fassal għas-snin li ġejjin.