Il-MEUSAC u l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza qed jorganizzaw il-ħames laqgħa f’serje ta’ konsultazzjonijiet bit-tema ‘Għid Tiegħek Dwar l-Ewropa’, li se ssir fil-25 ta’ Ottubru fl-Iskola Primarja B, Kulleġġ Santa Margerita, Triq l-Iskola, Ħaż-Żabbar, fis-6 p.m.

F’din  il-laqgħa se jkun diskuss is-suġġett vast tal-iżvilupp soċjali fl-istati membri tal-UE. Flimkien mal-konnotazzjonijiet ovvji u l-importanza tas-suġġett, din  il-kwistjoni wkoll għandha x’taqsam mal-Pilastru Ewropew  tad-Drittijiet Soċjali u l-prinċipji tiegħu.

Permezz ta’ dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi, Malta ngħaqdet ma’ 26 stat membru ieħor tal-Unjoni Ewropea fi proċess wiesa’ ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-futur tal-Ewropa. Dawn il-konsultazzjonijiet qed jiffokaw fuq diversi suġġetti li huma ta’ interess partikulari fil-kuntest ta’ Malta, iċ-ċittadini Maltin u l-interessi tagħhom bħala Ewropej.

Il-punti kollha mressqa mill-udjenza se jinġabru f’rapport, li se jkun ippreżentat lill-Gvern Malti. Il-Gvern  imbagħad se jippreżenta dan ir-rapport fil-laqgħa tal-mexxejja tal-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill Ewropew f’Diċembru. Dan il-proċess se jassigura li ċ-ċittadini jista’ jkollhom vuċi dwar l-Ewropa, u li dawn l-ideat se jkunu ippreżentati lill-mexxejja tal-UE.