Fil-Parlament dan l-aħħar smajna jew rajna episodji li ma jagħmlux ġieħ lill-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż. Waqt seduta partikulari, li matulha kien qed jitkellem id-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil, inqala’ kjass sħiħ u d-Deputat Laburista Glenn Bedingfield instema’ jidgħi. Ftit jiem wara, waqt seduta oħra, kellna lill-Ministru Jose’ Herrera li wkoll tilifha u nstema’ jitkellem doppju sens. 

X’qed jiġri? X’qed iwassal għal dan in-nuqqas ta’ imġieba fost id-deputati parlamentari? 

Jidher li s-sens tas-supremazija, speċjalment mid-deputati tal-Gvern, qed jirrenja tant li min  isegwi s-seduti fl-istrangers’ gallery ma jistax ma jinnotax l-atteġġjament ta’ bullying fuq id-deputati tal-Oppożizzjoni. 

Xi deputati tal-Gvern jaħsbu li l-governanza tibda bihom u tispiċċa bihom. Wieħed irid ikun fl-istrangers’ gallery biex jara l-imġieba ta’ wħud mid-deputati  fejn il-kelma umilta’ ilha li ntesiet mill-vokabularju tal-imġieba u l-ħsieb. 

Osservatur li tkellem ma’ Voice of the Workers fisser li f’ċertu seduti “inkunu messejna l-qiegħ għax jekk ma jaqblux miegħek iwaqqgħuk għaż-żufjett”. Eżempju ta’ dan jikkonfermah id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo meta ġie mżeblaħ għax ivvota kontra l-liġi tal-ugwaljanza. “Is-sens ta’ arroganza u superjorita’ ħassejtha u hi mmensa”, saħaq id-Deputat Nazzjonalista. 

Min jara l-affarijiet b’mod oġġettiv jinduna li din l-attitudni mhix qed issir biss fil-konfront tal-Oppożizzjoni imma fil-konfront tal-pajjiż kollu. Kummentaturi li tkellmu ma’ dan il-portal ilkoll qassmu l-istess ħsieb u jsostnu li l-imġieba tal-Gvern qiegħda xxekkel il-pajjiż filwaqt li l-mentalita’ ta’ uħud mill-esponenti tiegħu qed twassal biex tinfluwenza numru ta’ ħaddiema Laburisti li jaħdmu f’dipartimenti tal-Gvern. 

Dak  li qed jiġri fil-Parlament mhix kwistjoni ta’ dixxiplina jew in-nuqqas tagħha minn min imexxi l-Kamra tar-Rappreżentanti. Imma hi kwistjoni li tlifna l-valur ta’ x’inhu tajjeb. Il-każijiet ta’ ksuħat u disprezz fil-Parlament huma frott l-arroganza prima klassi.  

Meta tkellem ma’ Voice of the Workers, id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo fakkar li meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern kien hemm deputati Nazzjonalisti li kienu arroganti fl-aġir tagħhom. “Imma dik kienet arroganza tal-Kindergarten meta mqabbla mal-kalibru li qed naraw illum…..fejn qatt smajna deputat jidgħi?…..mela dak li membru parlamentari jagħmel b’mod privat, jagħmlu fil-Kamra? 

Wieħed jasal għall-konklużjoni li bħalissa żgur li fil-Parlament ma jikbrux fjuri!