Filwaqt li l-miżuri preżenti dwar il-fastidju sesswali daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru, miżuri oħrajn li ġew deċiżi f’Marzu li għadda jeħtieġu aktar deċiżjonijiet regolatorji qabel ma jkunu implimentati. 

Minn issa ‘l quddiem, ilmenti dwar fastidju, inkluż fastidju sesswali, minn Ewro Parlamentari l-ewwel se jkunu eżaminati fid-dettall minn tim speċjalizzat ta’ impjegati fiċ-ċivil, li se jħejju l-każ għal Kumitat li jagħti l-pariri. Il-Kumitat jinkludi tliet Ewro Parlamentari, żewġ assistenti ta’ Ewro Parlamentari u impjegat fiċ-Ċivil. Il-Kumitat hu appoġġjat minn żewġ konsulenti mis-Servizzi Mediċi u Legali. Minbarra l-proċedura formali, konsulenti speċjali se jkunu disponibbli biex jagħtu pariri lil assistenti u staff ieħor kif jittrattaw mal-fastidju f’kull ħin. 

Penali dwar  il-fastidju se jinkitbu f’Regolamenti ta’ Proċeduri tal-Parlament (Art. 11 u Art. 166) u “Kodiċi ta’ Imġieba xierqa fil-Post tax-Xogħol għal Membri tal-Parlament Ewropew” se jkun magħqud mar-Regolamenti ta’ Proċedura. Il-membri li ma ffirmawx dikjarazzjoni li mhux se jimxu mal-kodiċi, ma jkunux kapaċi jassumu pożizzjoni fil-Parlament, malli r-Regolamenti ta’ Proċedura jkunu adattati. 

Korsijiet pilota għal membri tal-Parlament Ewropew dwar il-prevenzjoni mill-fastidju huma skedati għal din  is-sena fil-bidu ta’ Novembru u fil-bidu ta’ Diċembru. Dawn il-korsijiet se jimmiraw li jgħallmu r-rispett u d-dinjita’ fil-post tax-xogħol. 

Assistenti akkreditati li kienu vittmi ta’ fastidju diġa’ ingħataw l-għażla li jkollhom l-ispejjeż legali mħallsa mill-Parlament jekk riedu li jibdew proċeduri legali kontra Ewro Parlamentari, iżda issa se jkunu  infurmati aħjar ta’ din il-possibbilta’ u appoġġjati matul il-proċess. Finalment, soluzzjoni nstabet għall-kuntratti tal-assistenti li ma jistgħux jibqgħu jaħdmu mal-Ewro Parlamentari tagħhom minħabba  fastidju. Il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni għall-Istatut  tal-Membri kienu adattati sabiex is-salarju tagħhom ikun imħallas mill-budget għall-assistenza parlamentari tal-membru jekk il-fastidju kien stabbilit.