“Nieħdu ħsieb lill-carers!”. Kemm-il darba qrajna jew smajna dawn il-kliem b’referenza għall-professjonisti fil-kura tas-saħħa? Il-kura u l-ħarsien jagħmlu sens, imma dawn kif jistgħu jintlaħqu, speċjalment fid-dawl tal-komplessivita’ fil-mard tal-pazjenti, il-ħolqien ta’ timijiet akbar fil-provvediment tal-kura tas-saħħa, u r-realtajiet finanzjarji? Il-ħlas xieraq lill-istaff u l-ħolqien ta’ ambjenti diċenti u ta’ appoġġ huma ta’ min ifaħħarhom, imma dawn il-fatturi mhumiex biżżejjed.  

Nafu li ħafna care workers jgħaddu minn ħafna stress u huma mifnija bix-xogħol tant li l-ambjent u l-kundizzjonijiet ta’ ħidmiethom qed jaffettwaw is-sodisfazzjon tagħhom fil-post  tax-xogħol. Uħud jaħsbuha darbtejn jekk jitilqux u jsibu impjieg differenti. Sitwazzjoni bħal din saħansitra tista’ taffettwa l-kwalita’ tal-kura provduta lill-pazjenti. 

Malta mhix eżonerata minn din ir-realta’. 

Rapport ġdid li ġie pubblikat mill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO),  wera li l-investiment fl-ekonomija tal-ħarsien jeħtieġ li  jirdoppja sabiex tkun evitata kriżi dinjija dwar il-ħarsien.  

Ix-xogħol tal-kura huwa importanti għall-ħarsien tal-bniedem u għall-ekonomija. Madankollu se nsibu ruħna viċin xi kriżi dinjija dwar il-kura peress li m’hawnx biżżejjed ħaddiema biex jieħdu ħsieb persuni fil-bżonn.  Jingħad ukoll li impjiegi fil-kura u fil-ħarsien ġeneralment ma jrendux.  

Fl-2015, 2.1 biljun tifel u tifla, anzjani u persuni bi bżonnijiet speċjali kellhom il-bżonn tal-kura u l-ħarsien. Sal-2030, din iċ-ċifra mistennija tiżdied b’ 200 miljun persuna. Preżentament hawn 381 miljun care worker li qed jieħdu ħsieb dawn il-persuni vulnerabbli. Għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema qed jagħmlu xogħol mhux imħallas u mhux rikonoxxut fil-qasam tal-kura u l-ħarsien. Jekk nikkwantifikawhom, dan hu ekwivalenti għal 2 biljun persuna li qed jaħdmu tmien sigħat kuljum bla ħlas. Tliet kwarti minn  dan ix-xogħol ta’ kura mhux imħallas isir min-nisa. 

Matul din  is-sena, 606 miljun mara ma setgħux jaħdmu bi ħlas minħabba xogħol ta’ kura u ħarsien mhux imħallas. Madankollu, ir-rapport tal-ILO ifisser li 70 fil-mija tan-nisa jippreferu jitħallsu tax-xogħol li jagħmlu u ħafna rġiel qed iżidu s-sehem tagħhom fil-qasam tal-kura u l-ħarsien. 

Sabiex tkun evitata kriżi dinjija u jintlaħqu l-miri sostenibbli tal-iżvilupp, l-ILO qed tisħaq biex ikun hemm bidliet estensivi fil-policies li jirrikonoxxu, inaqqsu u jiddistribwixxu mill-ġdid xogħol fil-kura u l-ħarsien. L-ILO qed tisħaq ukoll biex l-investiment fl-ekonomija tal-kura u l-ħarsien jirdoppja. Dan jista’  jwassal għall-ħolqien ta’ 269 miljun impjieg ġdid filwaqt li  jinkiseb xogħol diċenti għall-care workers kollha, inkluż dawk il-care workers li jaħdmu fid-djar fil-komunita’.