Diversi Ewro Parlamentari stqarrew dan l-aħħar  li jekk ditta tbigħ prodott madwar l-Ewropa, imma b’kompożizzjonijiet li huma differenti minn pajjiż għal ieħor, ma tistax tagħmel l-istess tikketta, għax tista’ tqarraq lill-konsumaturi.   

Minn ħafna testijiet u studji li saru f’diversi stati membri tal-Unjoni Ewropea, l-aktar fl-Ewropa Ċentrali  u fl-Ewropa tal-Lvant, irriżulta li prodotti reklamati u mibjugħa taħt l-istess tikketta u kważi l-istess pakkeġġjar fil-fatt huma differenti fil-kompożizzjoni u fl-ingredjenti, għad-detriment tal-konsumaturi. 

Dawn id-differenzi nstabu mhux biss fi prodotti tal-ikel, bħalma huma l-fish fingers, l-instant soup, il-kafe’ u x-xorb  minerali, imma wkoll fid-deterġenti, il-kożmetiċi, it-toiletries u prodotti għat-trabi. 

F’rapport approvat bi 33 vot u tliet voti kontra, b’astensjoni waħda, il-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar is-Suq Intern  u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, irrakkomanda diversi miżuri f’livelli Ewropej u nazzjonali sabiex il-problema tal-“kwalita’ doppja” tkun indirizzata. 

Olga Sehnalova,  ir-rapporteur, qalet: “Prodotti ta’ kwalita’ doppja jfixklu l-fiduċja taċ-ċittadini fil-funzjoni ġusta tas-suq intern tal-UE. Jekk prodott jinbiegħ taħt l-istess tikketta u pakkeġġjar, għandu  jkollu l-istess kompożizzjoni. Jekk il-manifattur irid jippersonalizza prodott, il-konsumaturi għandhom dritt li  jafu u jkunu konxji minn dan l-aġġustament għal kull prodott individwali”. 

Hi żiedet li “għandna nassiguraw li l-prattiċi kollha li jqarrqu jiġu projbiti u li l-inizjattivi proposti ma jitħallewx fuq il-karta. Sabiex isir dan, l-emenda għad-Direttiva ta’ Prattiċi Kummerċjali Inġusti, kif proposta mill-Kummissjoni Ewropea f’April, hi bidu tajjeb. Madankollu, teħtieġ diversi kjarifiċi sabiex taħdem b’mod effettiv. M’għandux ikun hemm prodotti tat-tieni klassi, u lanqas konsumaturi tat-tieni klassi fl-Unjoni Ewropea”.