Il-MEUSAC ingħatat aktar minn €134,000 f’fondi Ewropej sabiex jimplimenta proġett ħalli d-djalogu soċjali f’Malta jissaħħaħ. Il-proġett bl-isem, Engage: Enhancing Stakeholder Participation in Social Dialogue, hu parzjalment finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020. 

Il-fondi li  ngħataw lill-MEUSAC huma mmirati biex jidentifikaw l-aktar metodoloġiji effettivi ta’ ingaġġ sabiex ikun provdut servizz biex jilħaq il-ħtiġiet tal-partijiet  interessati; li jsir investiment fis-servizzi tal-Gvern billi  jkunu provduti l-ħiliet neċessarji lit-tim tal-MEUSAC dwar kif il-kapaċita’ tal-partijiet interessati għandha tissaħħaħ; u t-tisħiħ tal-kapaċita’ tal-partijiet interessati permezz ta’ taħriġ u żieda fl-għarfien fuq il-proċessi, l-għodda u l-opportunitajiet għal żieda fil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati. 

Il-proġett hu mistenni li jissarraf f’numru ta’ riżultati kwalitattivi u kwantitattivi li, fl-aħħar mill-aħħar, iwasslu għal żieda fil-livell ta’ djalogu soċjali f’Malta u fit-tisħiħ tas-servizzi li l-Gvern jipprovdi lill-partijiet interessati kemm dawk ta’ issa u tal-futur. 

Il-Fond Soċjali  Ewropew jiffinanzja il-Programm Operattiv II ta’ Malta bit-tema ‘Ninvestu fil-kapital uman sabiex  noħolqu aktar opportunitajiet u   nippromwovu l-ħarsien tas-soċjeta’ għall-perijodu 2014-2020. Il-budget totali għal Malta hu ta’ €132,366,810.