Dan l-aħħar tqajmet kwistjoni dwar il-qlugħ ta’ diversi siġar, f’numru ta’ lokalitajiet f’Malta, biex jagħmlu wisa’  għall-bidu ta’ proġetti infrastrutturali u twessiegħ ta’ toroq. L-ambjentalisti, rappreżentanti minn għaqdiet u  sezzjoni tal-pubbliku wrew it-tħassib tagħhom għal dan  l-aġir, partikularment f’Ħal  Balzan, u appellaw għal soluzzjonijiet oħrajn  qabel ma s-siġar jitqaċċtu. 

Is-siġar huma importanti. Hekk kif huma l-akbar pjanti fid-dinja, dawn jagħtuna l-ossiġnu,  jaħżnu l-karbonju, jistabilizzaw il-ħamrija u  jagħtu l-ħajja lill-ħajja selvaġġa tad-dinja. Is-siġar jipprovduna  wkoll bil-materjali għall-għodda kif ukoll bil-kenn. 

Is-siġar mhux biss huma essenzjali għall-ħajja, imma bħala l-aktar speċi li qatt għexu fuq din  l-art, jagħtuna ħolqa bejn il-passat, il-preżent u l-futur. 

Il-friegħi bil-weraq tas-siġar jagħmluha ta’ filtru fiżiku, jassorbu t-trab u sustanzi li jniġġsu fl-arja. Jipprovdu wkoll d-dell mir-radjazzjoni tax-xemx u jmewtu jew inaqqsu l-istorbju. 

Is-siġar jassorbu d-dijossina tal-karbonju hekk kif ikunu qed jikbru, u l-karbonju  li jaħżnu fl-injam  tagħhom jgħin biex  inaqqas ir-rata tat-tisħin globali. Inaqqsu wkoll il-veloċita’ tar-riħ u jiffriskaw l-arja hekk kif jitilfu l-umdita’ u  jirriflettu s-sħana ‘l fuq mill-weraq tagħhom.  

Is-siġar huma wkoll  l-irdoss ta’ diversi speċi ta’ insetti u għasafar. Meta s-siġar jkunu għadhom żgħar, joffru l-kenn u ikel lil komunitajiet  ta’ għasafar, insetti, fungi u pjanti. Meta jikbru, iz-zokk ukoll jipprovdi kopertura vojta li hi meħtieġa minn speċi bħal friefet il-lejl, ħanfus u kokki. 

Siġra matura tal-ballut tista’ tkun  id-dar ta’ madwar 500 speċi differenti. F’Malta hawn  aktar minn 30 speċi ta’ siġar protetti. Uħud minnhom huma verament rari u ftit li xejn għad baqa’ minnhom.  Għaldaqstant dawn jeħtieġu protezzjoni akbar minn oħrajn. 

Is-siġar isaħħu l-karattru distintiv ta’ post u jinkoraġġixxu l-kburija lokali. Il-boskijiet, bħal  dak  fil-Buskett, jistgħu jintużaw ( u  hekk qed isir mill-iskejjel) bħala riżorsa edukattiva u jressqu gruppi ta’ nies lejhom għal attivitajiet bħal mixi u l-osservazzjoni tal-għasafar. Is-siġar huma wkoll imprezzabbli għat-tfal biex jilgħabu fihom u jiskopru s-sens tagħhom ta’ avventura. 

In-nies huma attirati biex jgħixu, jaħdmu u jinvestu qrib  zoni ambjentali. Ir-riċerka turi li l-prezzijiet medji tad-djar huma kemmxejn għoljin meta l-proprjetajiet ikunu qrib ta’ siġar maturi. Il-kumpaniji jibbenefikaw minn ħaddiema aktar kuntenti u iżjed b’saħħithom jekk ikun hemm parks jew siġar fil-viċinanzi. Għalhekk  il-bżonn li jiżdied in-numru ta’ parks naturali f’pajjiżna 

Is-siġar jagħmlu tajjeb għas-saħħa. Ir-riċerka turi li malli ssib  ruħek imdawwar bis-siġar u bi spazju ħadrani, f’temp ta’ ftit   minuti, il-pressjoni fid-demm tinżel, ir-rata tal-qalb tonqos u l-livelli tal-istress ukoll jitbaxxew. 

Kollox ma’ kollox, ilkoll kemm aħna għandna nqisu s-siġar bħala ‘l-pulmun’ tal-pajjiż. Jeħtieġ li l-awtoritajiet jagħtu iżjed  kas tas-siġar u ta’ dak kollu li qed jgħix madwarna u  jaraw kif  jistgħu jnaqqsu l-impatt  negattiv fuq l-ambjent sabiex kemm aħna kif ukoll uliedna nkomplu  ngawdu n-natura.