Il-mediċini foloz qed ikunu ta’ theddida kbira fl-Ewropa għax qed joħolqu mard serju u saħansitra l-mewt filwaqt li qed jiswew biljuni ta’ ewro kull sena lill-industrija tal-farmaċewtika. 

Skont studju minn Europol, l-aġenzija pulizjeska tal-Unjoni Ewropea u mill-Uffiċċju  tal-Proprjeta’ Intellettwali (EUIPO), gruppi kriminali qed jipproduċu firxa dejjem tiżdied ta’ mediċini, inkluż dawk biex ifejqu mard serju bħall-kanċer. 

Għalkemm oġġetti ta’ lussu, bħal ħwejjeġ u ġojjellerija, huma fost l-aktar li jinqabdu minn affarijiet foloz, kriminali professjonali fl-Ewropa qed jipproduċu firxa dejjem tiżdied ta’ affarijiet, bħal ikel, pestiċidi u partijiet tal-karozzi. 

Il-gruppi kriminali wkoll qed jimportaw mediċini llegali minn pajjiżi lil hinn mill-Unjoni Ewropea, bħaċ-Ċina, fejn ħafna mill-oġġetti foloz joriġinaw, qabel ma jippakkeġġjawhom mill-ġdid għall-bejgħ fl-Ewropa. 

Il-falsifikaturi mbagħad iwasslu l-mediċini lil klijenti li  jordnawhom permezz ta’ spiżeriji fuq l-internet li “m’humiex awtorizzati u lanqas  regolati” jew minn fuq paġni tal-media soċjali, li “jikkapitalizzaw fuq ix-xejra li l-klijent qed jikkura lilu nnifsu u mid-domanda tal-konsumatur għal mediċini rħas”. 

L-isplużjoni fi swieq online tippermetti lill-kriminali biex jibgħatu l-mediċini lill-klijenti permezz ta’ pakkett, fejn ftit li xejn jinqabdu mill-pulizija, filwaqt li sistema ġdida ta’ trasport bil-ferrovija bejn  l-UE u ċ-Ċina tipprovdi mezz ta’ trasport iżjed veloċi u rħas milli permezz  tal-baħar u l-ajruplan. 

L-istudju sab  li l-farmaċewtiċi li jsiru minn  ħaddiema  mhux kwalifikati f’laboratorji klandestini li ma jkunux iġjeneċi jistgħu jinkludu ingredjent attiv żbaljat, ebda  ingredjent attiv, jew livelli għoljin ta’ sustanzi tossiċi. 

L-istudju wkoll qed jistma li l-mediċini foloz fis-settur farmaċewtiku Ewropew jiswew aktar  minn €10 biljun kull sena. 

F’Ottubru tas-sena li għaddiet, l-awtoritajiet arrestaw aktar  minn 800 persuna madwar  id-dinja f’operazzjoni msejħa Pangea XI. Huma ħatfu sejba ta’ affarijiet, x’aktarx perikolużi, jiswew €12.4 miljun  u  li nkludew strumenti skaduti għall-kirurġija fil-qalb. Dawn għaddew  bil-kutrabandu fit-Tramuntana   tal-Maċedonja u magħhom kien hemm ukoll pilloli kontraċettivi foloz li kienu moħbija f’pakketti tad-DVDs fil-Polonja.