Il-ħajja mimlija aljenazzjonijiet tal-lum tista’ tnaffar lil ħafna individwi milli jaħsbu f’ħaddieħor u minflok jagħmew fl-egoiżmuGħaldaqstant,  illum aktar minn qatt qabel, hawn il-bżonn li s-soċjeta’ Maltija, partikularment iż-żgħażagħ, jagħtu iżjed importanza lis-servizz fil-komunita’. 

Il-ġenituri m’għandhomx jisħqu biss fuq ix-xogħol skolastiku jew akkademiku għax l-istudju eċċessiv iwassal għal għejja fiżika u emozzjonali. Minflok, l-ulied għandhom ikunu mħeġġa sabiex imorru fil-komunita’ u jgħinu lil ħaddieħor. L-eżamijiet ilhom li spiċċaw u dalwaqt jaslu r-riżultati. Fil-frattemp issa huwa ċ-ċans biex iż-żgħażagħ, matul dan is-sajf, ma jitilfux żmien imma jinvolvu ruħhom f’xi ħaġa li tagħmel ġid lil ħaddieħor u lilhom stess. 

Iż-żgħażagħ għandhom ħafna x’jibbenefikaw – kemm akkademikament u emozzjonalment – milli jivvolontorjaw ħinhom biex, jagħmlu l-komunita’ fejn jgħixu, aħjar milli hi. Meta ż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom fi proġetti komunitarji, huma jiżviluppaw ħiliet tant bżonnjużi li jgħinuhom biex imorru tajjeb fl-iskolaf’xi istituzzjoni terzjarja u fuq kollox fil-ħajja. Dawn jinkludu l-ħila fit-tmexxija, is-soluzzjoni tal-problemi, il-kollaborazzjoni ma’ ħaddieħor, l-immaniġġjar tal-ħin u l-komunikazzjoni. 

Aktar importanti minn hekk, iż-żgħażagħ jitgħallmu li x-xogħol li jagħmlu jista’ jagħmel impatt fil-komunita’. L-involviment  fis-servizz komunitarju, sa minn eta’ żgħira, jgħin lill-individwu biex jiżviluppa perspettiva isbaħ tad-dinja li jgħix fiha. Issib studenti li spiċċaw l-iskola sekondarja u oħrajn f’livell post-sekondarju li jgħinu fi djar tal-anzjani, f’orfanotrofji  jew saħansitra jagħmlu xogħol volontarju barra minn Malta. Tali  xogħol volontarju jgħin biex jitgħallmu d-doni tal-paċenzja u l-empatija. 

Meta ż-żgħażagħ jorbtu dak li jitgħallmu fl-iskejjel ma’ kwistjonijiet li verament jagħmlu sens fil-ħajja reali, jimpenjaw ruħhom aktar fit-tagħlim. L-istudji juru li meta l-istudenti jagħtu sehemhom fil-komunita’, il-prestazzjoni tagħhom fl-iskola tkun ferm aħjar, partikularment f’suġġetti bħal il-matematika, il-qari u l-istorja. 

Iż-żmien tal-volontarjat ukoll jgħin ħafna lill-istudenti żgħażagħ meta jiġu biex japplikaw għal boroż ta’ studju, speċjalment dawk li huma disinjati biex jippremjaw il-parteċipazzjoni fis-servizz komunitarju. Ir-relazzjonijiet li li l-istudenti jibnu ma’ voluntieri oħrajn ukoll huma ta’ vantaġġ għalihom meta jiġu biex jispeċjalizzaw fl-istudji tagħhom jew biex isibu mpjieg.