Fis-snin li ġejjin irridu naħsbu  mill-ġdid dwar l-imħabba tagħna lejn il-konsum u l-prijoritajiet għal żmien qasir. Sfidi kbar li mhumiex diffiċli biex jiġu indirizzati. 

Il-każ għal azzjoni sabiex l-emerġenza tal-klima tkun  indirizzata qed jiġi mifhum ħafna aktar. Kważi 30 sena mindu kien maqbul l-ewwel trattat dwar il-klima tan-Nazzjonijiet Uniti f’Rio de Janeiro fl-1992, l-emissjonijiet tal-karbonju madwar id-dinja għolew għal rekord ta’ 37.1 biljun tunnellata s-sena l-oħra. 

F’Ottubru tas-sena li għaddiet, xjenzati tan-Nazzjonijiet Uniti wissew li fi żmien 12-il sena l-mira ta’ 1.5 gradi Celsius tas-sħana dinjija se tkun ‘il bogħod. Aktar il fuq minn dan il-livell, iż-żidiet fit-temperatura huma mbassra li jikkawżaw tfixkil kolossali: aktar minn 10 miljun persuna li jkunu ħarġu minn djarhom kawża ta’ livelli għoljin tal-baħar; żieda fir-riskju ta’ nirien, nixfa u temp estrem kif ukoll effetti kbar fuq il-biedja u n-natura. 

Madankollu, grazzi għall-isforzi mill-attivisti u x-xjenzati, f’partijiet tad-dinja l-emerġenza tal-klima sa fl-aħħar qed tingħata xi ftit tal-attenzjoni li jixirqilha. Jekk nieħdu  l-kontinent Ewropew, per eżempju, l-elezzjonijiet li saru f’Mejju għall-Parlament Ewropew raw lill-partiti tal-Ħodor jirbħu kważi 10 fil-mija tas-siġġijiet. 

Imma l-periklu jibqa’. Għal għexieren ta’ snin, l-attitudni tagħna għall-kriżi fil-klima amalgamat is-sodisfazzjon u ċ-ċaħda, filwaqt li n-numru ta’ persuni u politiċi li tabilħaqq huma impenjati biex jieħdu azzjoni fuq kull ħaġa, kien tassew wieħed minimu. Imma fid-dawl ta’ żidiet fit-temperaturi li ġew rekordjati kif ukoll biż-żieda fl-emmissjonijiet, qed isiru attentati mill-pajjiżi tad-dinja sabiex tissawwar politika fid-direzzjoni t-tajba. 

Riċentament, l-ekonomista Joseph Stiglitz kiteb li għandna naħsbu dwar ir-risposta għall-bidla fil-klima qisna qed nitkellmu fuq “it-tielet gwerra dinjija”. Il-kriżi tal-klima hija differenti minn gwerra għax m’għandhiex tmiem – jew mhux bl-istess mod. Filwaqt li hemm għadu,  fl-industrija b’saħħitha tal-fossil fuels u tal-politiċi li jappoġġjawhom, dan huwa għadu ferm diffiċli biex tidentifika minn xi qawwa barranija. 

Barra minn hekk l-għażliet individwali huma importanti imma jekk ikunu estremi, l-enfasi fuq id-drawwiet personali jistgħu ma jsarrfux. Li ma niklux prodotti ġejjin mill-annimali jew li ma nsifrux bl-ajru huma affarijiet tajbin li nistgħu nagħmlu. Imma huma estremi  u ma jsalvawx id-dinja. Li rridu  nagħmlu hu li norjentaw mill-ġdid il-politika tagħna lejn  rikonoxximent  tal-limiti tal-pjaneta tagħna. 

Jidher li bħalissa ż-żgħażagħ għandhom l-aħjar inizjattivi biex jindirizzaw is-sitwazzjoni. Ftakru x’għamlet it-tfajla Svediża Greta Thunberg meta  sejħet lill-adulti biex jingħaqdu fi strike ġenerali dinji f’Settembru. Jagħmel sens li ż-żgħażagħ jkunu minn ta’ quddiem biex jindirizzaw  il-kwistjonijiet ambjentali. Bħala persuni bl-aktar snin ta’ ħajja quddiemhom, huma għandhom l-aktar x’jitilfu mill-istatus quo. 

Imma ż-żgħażagħ jafu li ma jistgħux isolvu l-kriżi waħidhom. L-adulti jridu juruhom liema prijoritajiet għandhom jiġu indirizzati minnufih. B’ħidma u kollaborazzjoni kollettiva, l-emerġenza tal-klima trid tiġi indirizzata qabel ma jkun  tard wisq.