F’ekonomija li qed tkun globalizzata b’rata mgħaġġla u li hi mmexxija mit-teknoloġija, l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi l-ħtieġa biex kontinwament tinvesti fl-ekonomija tagħha, fost oħrajn, permezz tal-ħolqien ta’ ambjent li jkun tajjeb għan-negozju,  il-promozzjoni tal-intrapriża u t-tisħiħ fl-aċċess għal swieq ġodda. Fil-fatt, l-UE tirrikonoxxi r-rwol importanti li intrapriżi żgħar u medji għandhom fi ħdan l-ekonomija tagħna, li jagħmlu 99 fil-mija tan-negozji kollha fl-UE, u b’riżultat ta’ dan tfittex li tassisti lill-SMEs f’fażijiet differenti taċ-ċiklu kummerċjali tagħhom. 

Il-Business Enhance ERDF Grant Schemes huma skemi ta’ fondi deċentralizzati li joffru varjeta’ ta’ opportunitajiet ta’ fondi li huma eliġibbli għal SMEs f’Malta u f’Għawdex. Sew jekk għadhom kif twaqqfu u sew jekk huma f’diffikulta’ biex jaċċessaw għall-ewwel investiment finanzjarju, l-SMEs jistgħu jagħżlu liStartup Investment Grant Scheme, fejn jibbenefikaw minn għotja finanzjarja sal-massimu ta’ €300,000. Il-programm ukoll jappoġġja lill-SMEs li qed ifittxu biex jespandu l-operat preżenti tagħhom, sabiex jiddiversifikaw fi swieq ġodda, jew jinvolvu ruħhom fi proġetti estensivi dwar ir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni. 

Barra minn hekk, il-Business Enhance Schemes ukoll jappoġġjaw lill-SMEs fil-proġetti żgħar tagħhom. L-SMEs jistgħu japplikaw għal għotjiet finanzjarji biex jipparteċipaw f’Fieri Internazzjonali għall-Promozzjoni tan-Negozju barra minn Malta, jiksbu servizzi professjonali biex jiżviluppaw app tal-kummerċ elettroniku jew website, jew anki jiksbu s-servizzi mingħand konsulenti professjonali. 

Tali skemi joffru opportunita’ tassew unika għan-negozji f’Malta u Għawdex,  peress li kuntrarjament għal għażliet finanzjarji oħrajn li huma disponibbli għall-SMEs, bħal self, l-għotjiet finanzjarji mhumiex ripagabbli u jirrappreżentaw investiment dirett mill-UE. 

Jekk trid tkun taf aktar dwar id-diversi Business Enhance ERDF Grant Schemes, ikkuntattja lill-MEUSAC fuq 2200 3300 jew  ibgħat email lil info.meusac@gov.mt