Ħafna ħaddiema jħabbtu wiċċhom ma’ riskji ta’ saħħa u sigurta, kemm jekk ikunu qed jaħdmu f’uffiċċju, jew fuq xi sit ta’  kostruzzjoni. Filwaqt li llum jidher li aktar importanza qed tingħata lil kwistjonijiet psikoloġiċi marbutin ma’ saħħa u sigurta’ fil-post  tax-xogħol, ħafna ħaddiema għadhom jirriskjaw li jitilfu ħajjithom jew iweġġgħu gravi ħafna minħabba inċidenti fil-postijiet  tax-xogħol. 

Mhux se noqgħod indur mal-lewża. F’pajjiżna, it-tmexxija tas-saħħa u s-sigurta’ għadha laxka f’ħafna postijiet tax-xogħol, tant li ħajjet il-ħaddiema tinsab f’riskju bla bżonn.  

Ir-responsabbilta’ biex ikun assigurat li l-ħaddiema jkunu protetti minn riskji evitabbli trid tinqasam minn min iħaddem u mill-ħaddiema nfushom. Xi employers ma jwettqux programmi ta’ saħħa u sigurta’ għall-ħaddiema tagħhom għax, skonthom, dan huwa eżerċizzju li jiswa l-flus. Programmi effettivi dwar is-saħħa u s-sigurta’ tassew jedukaw lill-ħaddiema dwar il-benefiċċji ta’ imġieba tajba fil-prattika fil-post tax-xogħol. Meta sidien ta’ postijiet  tax-xogħol jifhmu l-impatt li l-inċidenti jħallu fuq il-profitti tagħhom, ikunu iżjed xprunati biex jimplimentaw inizjattivi li jżommu lill-ħaddiema tagħhom ‘il bogħod mill-periklu. 

L-Awtorita’ tas-Saħħa u s-Sigurta’ fil-Post tax-Xogħol (OHSA) trid tassigura li l-liġijiet ikunu enforzati. Wieħed  iżda jistaqsi: l-OHSA qed tkun viġilanti? Qiegħda ddur il-postijiet tax-xogħol jew tagħmel spezzjonijiet għal għarrieda? Dan l-aħħar kont qed insuq fid-direzzjoni tal-bypass tal-Imqabba meta rajt żewġ ħaddiema ta’ karanaġġjon skur jaħdmu fuq il-pont minn għoli ta’ xi sitt  sulari. Għidt bejn u bejn ruħi, fejn huma l-ispetturi tal-OHSA?  

Jekk min iħaddem jonqos milli  jirrealizza l-importanza  tas-saħħa u s-sigurta’ fil-postijiet tax-xogħol tagħhom mela l-OHSA, li  fl-opinjoni tiegħi trid tissaħħaħ b’aktar riżorsi umani u riżorsi neċessarji oħrajn, għandha tissokta biex tħarrek lil dawk l-employers li jfallu mill-obbligi legali tagħhom. 

Filwaqt li ħaddiema f’kumpanija kbira jistgħu jirrikorru għall-appoġġ mill-union meta min iħaddimhom qed jonqos fit-tħaddim ta’ proċessi fis-saħħa u s-sigurta’, dawk il-ħaddiema li jaħdmu ma’ xi  kaħħal  jew ma’ electrician jistgħu jkunu fi żvantaġġ. 

Ambjent ta’ xogħol mhux sikur jista’ jikkonvinċi lill-ħaddiema li min iħaddimhom ma japprezzahomx. Ħaddiema li għandhom paga minima huma l-aktar f’riskju li jweġġgħu. Min-naħa l-oħra, ħaddiema li jkollhom ħiliet aħjar x’aktarx li jfittxu impjieg alternattiv ma’  postijiet tax-xogħol li jieħdu ħsiebhom. 

Barra minn hekk, dawk li jesponu lill-ħaddiema tagħhom għall-periklu qed jirriskjaw il-qagħda finanzjarja tagħhom.  Dan għax, xi darba jew oħra, jista’ jinqala’ xi inċident  traġiku li jwassal għal ħafna seduti fil-Qorti u spejjeż legali bil-possibbilta’ li n-negozju tagħhom jispiċċa rovinat.