L-inklużjoni ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali bħala ħaddiema, klijenti u msieħba fin-negozju hija deċiżjoni għaqlija. Madankollu, filwaqt li l-postijiet tax-xogħol qed jirrikonoxxu dejjem iżjed il-benefiċċji fil-bini u ż-żamma ta’ diversi ħaddiema, xi kultant iwarrbu d-diżabbilta’ fil-prattiċi tal-inklużjoni tagħhom. 

Il-postijiet tax-xogħol x’għandhom bżonn biex jagħmlu suċċess? Internament, irid ikun hemm grupp ta’ ħaddiema li jista’ jikkontribwixxi fis-soluzzjoni effettivi tal-problemi u l-innovazzjoni f’ekonomija globalizzata li qed tinbidel b’rata mgħaġġla. Esternament, reputazzjoni pożittiva tista’ tgħin biex iżżid il-klijentela u l-approvazzjoni fis-soċjeta’. 

L-inklużjoni ta’ persuni  b’diżabbilta, partikularment bħala ħaddiema, tista’ tgħin  lill-postijiet  tax-xogħol biex jilħqu dawn il-ħtiġiet u jkunu pass ‘il quddiem mill-kompetituri tagħhom fis-suq tax-xogħol tal-futur. 

L-importanza tad-diversita’ fis-suq tax-xogħol kienet ferm stabbilita permezz tar-riċerka f’dawn  l-aħħar snin. Il-benefiċċji ta’ postijiet tax-xogħol differenti jinkludu ħaddiema b’diversi talenti u s-sodisfazzjon tagħhom, tisħiħ fl-innovazzjoni  u l-kreattivita’ kif ukoll titjib fil-mod kif il-post tax-xogħol jidher hemm barra. 

Hemm ukoll firxa wiesgħa ta’ miżuri u attivitajiet li l-postijiet tax-xogħol jistgħu jwettqu sabiex jinkludu ħaddiema bi bżonnijiet speċjali. Fosthom hemm policies dwar l-inklużjoni tad-diżabbilta’ appoġġjati mill-management, taħriġ fl-għarfien dwar id-diżabbilta’ għall-istaff u l-managers u żieda fl-aċċessibbilta’ fil-post tax-xogħol, inkluż l-ambjent fiżiku tiegħu, il-proċess tar-reklutaġġ, websites, informazzjoni u sistemi ta’ komunikazzjoni kif ukoll proċeduri ta’ evakwazzjoni f’każ ta’ emerġenza. 

Sabiex ikunu jistgħu jużaw il-ħiliet u t-talenti tagħhom bl-aktar mod sħiħ, persuni b’diżabbilta’ li qed ifittxu x-xogħol u ħaddiema bi bżonnijiet speċjali li għandhom bżonn ta’ aġġustament raġonevoli għandhom  ikunu akkomodati tul iż-żmien tax-xogħol tagħhom, jiġifieri fil-proċess ta’ reklutaġġ, matul l-iżvilupp professjonali tal-persuna jew meta wieħed jirritorna għax-xogħol wara nuqqas. 

Bl-iskop li jkunu megħjuna biex jimplimentaw miżuri bħal dawn, il-postijiet tax-xogħol jistgħu jibbenefikaw minn  pariri mogħtija minn organizzazzjonijiet għal persuni b’diżabbilta’.  

Kollox ma’ kollox, l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabbilta’ mhix biss xi ħaġa smart, imma naħseb  li hi l-aħjar ħaġa li wieħed jista’ jagħmel.