Intertanko, l-assoċjazzjoni dinjija tat-tankers taż-żejt, ħabbret li l-provvisti taż-żejt għall-Ewropa u lil hinn mill-kontinent Ewropew, huma f’riskju ta’ tfixkil serju wara aktar attakki fuq it-tbaħħir fil-Golf Persjan. 

“Irridu niftakru li xi 30 fil-mija taż-żejt dinji mhux maħdum jgħaddi mill-istretti. Jekk l-ibħra mhumiex qed ikunu sikuri, il-provvista għall-pajjiżi tal-Punent tista’ tkun f’riskju,” qal Paolo d’Amico, il-Kap ta’ Intertanko, fil-jiem li għaddew. Intertanko hi assoċjazzjoni dinjija ta’ bastimenti li jittrasportaw iż-żejt u hi mmexxija minn sidien privati. 

Hu tkellem wara li ż-żewġ bastimenti – il-Front Altair, li kien qed iġorr in-nafta mill-Emirati Għarab Magħquda għall-Ġappun u l-Kokuka Courageous, li kien qed iġorr il-metanol mill-Għarabja Sawdita għal Singapore – ġarrbu ħsarat minn splużjonijiet li seħħew fit-13 ta’ Ġunju 2019. 

L-attakk ra l-prezzijiet dinjija taż-żejt jaqbżu 4.4 fil-mija fl-istess jum, qabel ma waqgħu xi ftit. L-inċident kien it-tieni attakk fuq it-tbaħħir fir-reġjun f’erba’ ġimgħat u dan ġedded iż-żmien tal-gwerra fuq it-tankers tat-Tmeninijiet tas-seklu l-ieħor, meta mijiet ta’ bastimenti ġarrbu ħsarat matul il-konflitt bejn l-Iran u l-Iraq. L-attakki l-ġodda seħħew waqt il-perijodu ta’ konflitt bejn l-Iran u l-alleati tal-Golf, jiġifieri l-Għarabja Sawdita, l-Emirati Għarab  Magħquda u oħrajn. 

L-attakki wkoll ġew waqt tensjoni li qed tikber bejn l-Istati Uniti u l-Iżrael u l-Iran minħabba l-programm tal-Iran dwar it-tisħiħ nukleari. 

L-Istati Uniti u r-Renju Unit mill-ewwel waħħlu fl-Iran għall-attakk.  Iżda l-missjoni tal-Iran fin-Nazzjonijiet Uniti qalet li hi ma kellhiex x’taqsam ma’ dawn l-avvenimenti.