L-Intelliġenza Artifiċjali qed tkun meqjusa bħala “l-elettriku ta’ dan il-millennju”
“Jeħtieġ li jsir investiment serju fl-Intelliġenza Artifiċjali u tinħoloq ekonomija adekwata sabiex l-‘imħuħ’ li jiggradwaw mill-Universita’ ta’ Malta jinżammu f’pajjiżna flok imorru jaħdmu ma’ kumpaniji kbar f’pajjiżi barranin”.
Kliem il-Professur Alexiei Dingli, il-Kap tad-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali, f’intervista li saritlu minn Voice of the Workers dwar l-importanza tal-Intelliġenza Artifiċjali llum u fil-ġejjieni.
“Hawn nuqqas ta’ madwar 600 speċjalist fl-Informatika”
Il-Professur Dingli saħaq li ħafna nies qed jaraw u jqisu l-intelliġenza artifiċjali bħala “l-elettriku ta’ dan il-millennju”. Dan għax din is-sistema se ssib postha f’kull ħaġa u kullimkien tant li għada pitgħada se tolqot il-ħajja ta’ kulħadd.
Il-Professur Dingli fisser li fejn tidħol l-Intelliġenza Artifiċjali, f’Malta diġa’ hemm numru ta’ inizjattivi għaddejjin anki mal-industrija. Id-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Universita’ ta’ Malta qed jispeċjalizza f’diversi oqsma, bħal, il-computer vision u l-
Intelliġenza fil-logħob.
Mistoqsi jekk hemmx interess fost l-istudenti universitarji biex jistudjaw l-Intelliġenza Artifiċjali, il-Professur Dingli wieġeb fl-affermattiv u spjega li 50 fil-mija tal-istudenti li qed jistudjaw biex jiskbu lawrija ta’ Masters fit-Tekonoloġija tal-Informazzjoni qed jispeċjalizzaw proprju fl-Intelliġenza Artifiċjali.
Dan għax hu suġġett li llum qed jidħol f’kollox u jmiss ma’ ħafna kumpaniji. Hu qal li hemm fabbriki li jużaw l-Intelliġenza Artifiċjali biex tmexxi l-operat tax-xogħol, biex tissolva l-problema tal-ħela u biex is-sistemi jkunu monitorjati”.
Il-Professur Dingli fakkar li l-Intelliġenza Artifiċjali hi programm li qatt ma ‘jorqod’; għandek sistema li l-ħin kollu għaddejja, ma tiħux żballj u tiggarantilek riżultati tajbin.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali qal li għall-bidu se jkun hemm numru ta’ spejjeż biex is-sistema tal-Intelliġenza Artifiċjali tinbena. Imma ladarba l-istruttura tkun mibnija, din tibqa’ għaddejja u tagħti r-riżultati mixtieqa.
Settur ieħor li hu kbir ħafna hu dak tal-Big Data. Diversi kumpaniji tant qed ikollhom informazzjoni, li mhux qed jirnexxilhom jipproċessawha. Għaldaqstant id-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali qed jipprovdi programmi (algorittmi) biex jgħinu fl-ipproċessar tal-informazzjoni b’mod awtomatiku.
Hu stqarr li d-Dipartiment immexxi minnu fl-Università’ ta’ Malta qed jaħdem ħafna fuq diversi livelli sabiex Malta wkoll tkun protagonista f’dan il-qasam. Il-Professur Dingli qal li, fuq livell nazzjonali, hawn nuqqas ta’ madwar 600 speċjalist fl-Informatika. Dan ifisser li mill-Universita’ ta’ Malta mhux qed joħorġu biżżejjed gradwati mħarrġa f’dan is-settur.
Barra minn hekk, hu jżur l-industriji u jfiehem lin-nies kif l-Intelliġenza Artifiċjali tista’ tgħinhom biex jisfruttaw il-vantaġġi tagħhom. Grazzi għal dan ix-xogħol, id-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali qed jirnexxilha tagħmel ftehim ma’ kumpaniji differenti biex issir riċerka bl-iskop li jkollhom numru ta’ vantaġġi, fosthom dawk ekonomiċi.
Imma biex it-tagħlim tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Universita’ jagħmel progress, jeħtieġu diversi riżorsi.
Hu żied li f’Malta m’aħniex qed nikkompetu biss bejnietna imma qed nikkompetu ma’ pajjiżi barranin.
k, il-Professur Alexiei Dingli tkellem dwar il-Blockchain u l-utilita’ tagħha għall-ħaddiema Maltin u għall-pajjiż b’mod ġenerali. Hu qal li l-Blockchain se tintuża bħala l-bażi ta’ ħafna sistemi u s’issa għadna mhux qed napprezzaw il-bżonn tagħha.
“Minn hawn u ftit snin oħra l-ħaddiema Maltin se jibdew iħossu lilha u l-effetti tagħha”, sostna l-Professur Dingli filwaqt li żied li “ma ninsewx li hemm ħafna teknoloġiji li jaħdmu bil-Blockchain bħal il-cryptocurrency”.
Applikazzjonijiet interessanti ħafna għas-snin li ġejjin, kompla l-Professur Dingli, huma s-smart contracts fejn jinqata’ il-middleman bl-iskop li ma jkunx hemm bżonn li żewġ partijiet imorru quddiem nutar sabiex isir kuntratt.
Hu temm li fiż-żmien li ġej se nkunu qed naraw differenzi kbar fil-mod kif naħdmu – differenzi għall-aħjar iżda fejn l-importanti hu li dawn l-applikazzjonijiet jgħaddu u jinżlu għal-livell tan-nies.