In-nies ma jitwieldux bil-mibegħda lejn ħaddieħor. Ma jitwieldux bid-disrispett lejn l-emozzjonijiet tal-persuni li jgħixu madwarhom, u ma jitilgħux bil-ħeġġa biex iweġġgħu jew joqtlu. Mhux fin-natura tal-bniedem li jieħu pjaċir jaħqar lil ħaddieħor, jew li jħossu indifferenti meta jara t-tbatija jew il-weġgħat tal-oħrajn.  

Xi wħud iħossu li għandhom dritt ma jagħtux kas tan-nies, minħabba d-diffikultajiet li ħabtu wiċċhom magħhom u li ħaddieħor ma esperjenzax. Hawn individwi li  lanqas biss jieqfu biex jaħsbu fil-proxxmu; qatt ma jirrealizzaw l-umanita’ tal-persuna l-oħra u kemm verament huma l-istess. “Li jpoġġu lilhom infushom fiż-żarbun ta’ ħaddieħor” hi xi ħaġa barra min-normal. 

Jidher li bl-invenzjonijiet teknoloġiċi u l-modi ġodda li qed jiżviluppaw b’rata  mgħaġġla, id-dinja qed issir wisq impersonali. Maż-żmien, dik il-ftit rabta jew għożża li xi darba kien hemm bejnietna, bdiet tinħall.  

L-insensittivita’ hija ċiklu li qisha m’għandhiex tmiem. Tkun xi tkun il-kawża li jista’ jkollha – l-għira għall-fortuna ta’ ħaddieħor, l-imrar wara ħajja ta’ tbatija, tradizzjoni kulturali jew reliġjuża, il-falliment biex tirrelata mal-oħrajn, jew sempliċiment riżultat ta’ din id-dinja tant irregolata li qed tiġi msawwra llum – l-insensittivita’ hija theddida reali għas-soċjeta’.  

Forsi xi darba fil-futur, in-nies jirrealizzaw dan u jaħdmu biex ikissru l-ħitan li nbnew bejnietna. Sa dakinhar, nistgħu biss nippruvaw naħsbu dwar l-oħrajn qabel lilna nfusna u  nikkunsidraw is-sitwazzjonijiet u l-emozzjonijiet tagħhom qabel ma niġġudikaw. 

Ejja ma nħallux l-ideat preġudikati dwar in-nies ta’ madwarna jikkontrollaw dak li naħsbu fuqhom. Ikun aħjar  li nħallu lilna nfusna miftuħin għall-ideat u l-valuri ta’ nies differenti minna. Għalissa, dan  jista’ jkun l-uniku mod biex innaqqsu l-insensittivita’ fis-soċjeta’ tagħna. 

Jeżistu nies tajbin u ġenwini hemm barra li għandhom ħsibijiet u emozzjonijiet altruwisti – li jpoġġu lil ħaddieħor qabilhom stess. Madankollu, dawn in-nies huma rari biex issibhom! L-eżempju, li seħħ fil-jiem li għaddew fil-Ħamrun,  ta’ dik ix-xufiera li waqqfet ix-xarabank biex tgħin lil persuna mitlufha minn sensiha, u r-reazzjoni ta’ xi passiġġieri li kienu abbord, jagħti lok għal riflessjoni dwar x’tip valuri umani qed ngħixu fis-soċjeta’ (suppost progressiva) tagħna!