Riżultati li ħarġu mill-Kummissjoni Ewropea fl-14 ta’ Ġunju,  urew li 50 fil-mija ta’ dawk li wieġbu studju indikaw li huma jafdaw lill-Parlament  Ewropew. Dan jirrappreżenta żieda sostanzjali ta’ ħames punti meta  mqabblin mal-Ħarifa tal-2017, filwaqt li l-livell ta’ nuqqas ta’ fiduċja niżel bi tlieta fil-mija fuq  l-istess perijodu. 

Matul il-perijodu leġislattiv, il-fiduċja fil-Parlament Ewropew, skont ir-riżultati tal-iStandard Eurobarometer, żdiedet minn 34 fil-mija f’Mejju tal-2014 għal-livell rekord tal-lum ta’ 50 fil-mija. 

L-istudju wkoll indika li 93 fil-mija ta’ dawk li wieġbu l-istudju jafu dwar il-Parlament Ewropew – b’mod konsiderevoli aktar  mill-istituzzjonijiet  l-oħrajn u żieda żgħira mill-aħħar Eurobarometer. 

L-Unjoni Ewropea, b’mod sħiħ, ukoll tibqa’ aktar fdata (42 fil-mija) mill-korpi governattivi nazzjonali (34 fil-mija). 

Antonio Tajani,  il-President tal-Parlament Ewropew, ikkummenta: “Il-Parlament qed jaħdem biex inaqqas id-distakk bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u ċ-ċittadini, u qed jagħmel xogħolu tajjeb. Iċ-ċittadini nfushom jgħidulna dan permezz tal-aħħar riżultati tal-Eurobarometer. Matul dawn l-aħħar sitt  xhur, il-fiduċja fil-Parlament Ewropew żdiedet minn 45 fil-mija għal 50 fil-mija. Il-Parlament, bla dubju ta’ xejn, hu l-aktar istituzzjoni apprezzata fl-UE.” 

“Irrid nirringrazzja lis-751 membru tal-Parlament li jagħmlu parti mill-Assemblea. Urejna li nistgħu nkunu preżenti billi npoġġu lill-Parlament fiċ-ċentru tad-dibattitu sabiex inbidlu l-Ewropa u nagħmluha aktar effettiva.” 

“B’mod partikulari, fuq l-immigrazzjoni li, skont kif jikkonferma l-Eurobarometer, jinsab fil-quċċata tat-tħassib taċ-ċittadini tagħna, aħna assistejna sabiex nagħtu tweġiba Ewropea. Lura għal Novembru, konna addottajna test sabiex nirriformaw is-sistema tal-ażil, inkluż ir-Regolamentazzjoni ta’ Dublin, li żżewweġ id-determinazzjoni mas-solidarjeta’. Ipproponejna strateġija għal perijodu qasir, għal perijodu medju u għal perijodu fit-tul sabiex jitwaqqaf it-tluq tal-immigranti mill-Afrika. Il-Kunsill ma jistax jibqa’ jipposponi r-riforma tal-ażil u jrid ikun konxju li l-governanza tal-immigrazzjoni tpoġġi l-ġejjieni tal-Unjoni f’riskju.”