Tagħrif miġbur dwar l-implimentazzjoni tal-Garanzija taż-Żgħażagħ wera tnaqqis qawwi fil-qgħad fost iż-żgħażagħ madwar  l-UE sa mill-2014. Dan it-tagħrif jinġabar mill-Kumitat dwar ix-Xogħol fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea. 

Ħames snin wara l-introduzzjoni tal-Garanzija taż-Żgħażagħ, is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol tjiebet b’mod sinifikanti. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ naqas minn 24 fil-mija fl-2013 sa inqas minn 16 fil-mija fi tmiem is-sena li għaddiet. 

Is-sitwazzjonijjet preżenti taż-żgħażagħ li għaddew mill-Garanzija  taż-Żgħażagħ ukoll  huma inkoraġġanti. Fil-fatt, kważi nofs il-parteċipanti għadhom fl-impjieg, fis-sistema edukattiva jew qed jitħarrġu – sitt xhur wara li temmew l-iskemi tal-Garanzija taż-Żgħażagħ. 

Il-Garanzija taż-Żgħażagħ kienet suċċess, partikularment,  f’Malta, fejn ir-rata  tal-qgħad fl-aħħar tal-2017 kienet biss ta’ erbgħa fil-mija. Il-Kumitat dwar ix-Xogħol ukoll innota li Malta qed tikseb progress fl-implimentazzjoni tal-Garanzija taż-Żgħażagħ, kif ukoll qed tagħmel progress  konsiderevoli biex tilħaq u tnaqqas in-numru ta’ persuni li mhumiex qed jaħdmu, li mhumiex fis-sistema edukattiva jew li mhumiex qed jitħarrġu.