Kemm hi sabiħa s-sempliċita’! Li ngħixu fis-sempliċita jfisser li niffokaw il-ħin u l-enerġija tagħna fuq affarijiet li tabilħaqq huma aktar importanti minn oħrajn. 

Meta nissimplifikaw l-affarijiet, insibu li qed ngħixu ħajjitna bi skop, ħajja li kontrollata minna stess. Ikollna l-ħin u l-ispazju biex inwettqu l-interessi tagħna u noħolqu l-ħajja li tassew nixtiequ. Xi drabi nsibu l-veru kuntentizza fl-aktar affarijiet sempliċi. 

Oqgħodu aħsbu ftit. Is-sempliċita’ tipprovdilna diversi benefiċċji sorprendenti. Anki l-finanzi tiegħek imorru għall-aħjar. Jekk inti tonfoq inqas, il-finanzi tiegħek x’aktarx ikunu f’qagħda aħjar. Kemm inserrħu aħjar rasna  li kieku neliminaw id-dejnNipprovaw nippjanaw għall-futur sabiex ikollna finanzi iktar fis-sod! 

Meta ngħixu stil ta’ ħajja fis-sempliċita’ naraw ir-realta’ tas-sitwazzjoni bl-aktar mod faċli. Il-moħħ ikun inqas stressat għax ikollu inqas fuq xhiex jinkwieta u  jaħseb. Billi niffokaw fuq dak li hu aktar importanti, il-livelli tal-istress tagħna jonqsu u saħħitna tmur aħjar. 

Aktar ma nkunu sidien tal-affarijiet, aktar jiżdiedu r-responsabbiltajiet u niċċaħdu mil-liberta’. Insibu li affarijiet sempliċi, bħal xi mixja fil-kampanja jew fejn il-baħar, tagħmilna kuntenti. Ħajja sempliċi tagħtina l-liberta’ minn kwistjonijiet fil-ħajja li m’għandhomx ikunu lok ta’ tħassib. Fi kliem ieħor,  ħajja sempliċi tagħtina l-liberta’. 

Is-soċjeta’ moderna hi moħħha fuq ħafna affarijiet li ma jwasslux għall-kuntentizza. Dar kbira, karozza lussuża u xi villeġġjatura ma jissarrfux f’aktar ferħ fil-ħajja ta’ dak li jkun. L-affarijiet materjali ma jiggarantux il-kuntentizza, anzi jwasslu biex tokrob għal iżjed. Ħajja diffiċli b’ħafna spejjeż iwassluk għal ħajja miżerabbli. 

B’ħajja sempliċi, il-persuna jkollha aktar ħin ħieles. Jista’ jkun diffiċli biex wieħed jitgħallem jirrilassa meta jkun imdorri jiġri ‘l hawn u ‘l hemm biex ilaħħaq mal-ħajja. Imma l-ħin ħieles huwa rigal li ftit huma dawk li japprezzawh. 

Skont il-filosofu Ċiniż Konfuċju, “il-ħajja hi verament sempliċi imma aħna ninsistu li nagħmluha kumplikata”. Ejja mela ngħixu is-sempliċita’ għax hi biss tista’ tagħtina l-liberta’ li ngawdu l-ħajja.