L-innovazzjoni tinvolvi l-implimentazzjoni attwali ta’ ideat ġodda jew teknoloġiji biex jinħoloq valur ġdid b’modi fundamentalment differenti milli fil-passat. 

Fl-isforzi kontinwi biex ikunu kkonfrontati l-isfidi diffiċli fis-suq dinji, l-innovazzjoni hi importanti ħafna u bżonnjuża. L-innovazzjoni m’għadhiex dwar il-ħolqien ta’ valur għal individwu  jew organizzazzjoni. Anzi, il-mira aħħarija hi dwar il-ħolqien ta’ futur intelliġenti li jista’  jipprovdi possibiltajiet ġodda lill-partijiet interessati ta’ soċjeta’. Futur intelliġenti, jew aħjar futur smart, huwa xi ħaġa li n-nies, l-organizzazzjonijiet, il-gvernijiet u l-pajjiżi jridu joħolqu. 

Ħafna gvernijiet, inkluż dak Malti, li huma involuti fil-ħolqien ta’ soċjeta’ smart għandhom it-tendenza li jenfasizzaw rekwiżiti infrastrutturali sabiex l-innovazzjoni tkun suċċess. Tali rekwiżiti huma ppreferuti għax huma viżibbli u faċli biex wieħed jiċċelebra minn fuqhom. 

Uħud  minn dawn  ir-rekwiżiti jinkludu l-iżvilupp ta’ infrastruttura għar-riċerka fix-xjenza, fit-teknoloġija u fl-inġinerija; l-iżvilupp ta’ ċentri għar-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll campuses għall-innovazzjoni; ċentri għar-riċerka applikata; appoġġ ta’ intrapriżi żgħar u medji li jaħdmu fit-teknoloġija; appoġġ lil programmi edukattivi fix-xjenza, l-inġinerija u l-matematika; u struttura tal-Gvern, budgets u policies għall-ħolqien tal-impjiegi. 

Filwaqt li dawn il-programmi t’hawn fuq huma addattati u huma elementi pożittivi għal soċjeta’ moderna, il-ħolqien ta’ ġejjieni smart jeħtieġ elementi aktar fundamentali fejn l-innovazzjoni  tista’ tiġi mrawwma  u maħsuda għal ġejjieni smart. Aktar b’mod speċifiku, ċertu kundizzjonijiet għandhom ikunu f’posthom biex ikun assigurat li l-innovazzjoni tieħu l-kors tagħha. 

Għaldaqstant, jekk inħarsu lejn pajjiżna, naraw li jkollna ġustizzja soċjali u li jirrenjaw is-saltna tad-dritt, il-kontabbilta’ u t-trasparenza; li jkun hemm kultura  u ambjent fejn il-kreattivita’ tkun  valutata; li jkun hemm soċjeta’ li tagħti valur lill-intrapriża u t-teħid tar-riskju; li jkun hemm ambjent fejn l-integrita’ u d-dixxiplina kollettiva huma virtuwijiet; li jkun hemm soċjeta’ fejn il-ħolqien tax-xogħol hu meqjuż iktar importanti mit-teħid tax-xogħol. 

Il-ġejjieni smart huwa għan ta’ aspirazzjoni għal ħafna nies u għas-soċjetà. Madankollu, mhuwiex futur immaġinarju imma fil-qofol tal-possibbiltajiet tagħna, speċjalment fl-era diġitali. Sabiex jinħoloq futur intelliġenti, in-nies iridu jġebbdu l-għanijiet, jaħsbu lil hinn mill-ovvju u jaħdmu kollettivament għall-ġid tas-soċjetà kollha kemm hi.