L-Unjoni Ewropea hi impenjata biex telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza  bejn  is-sessi fl-attivitajiet kollha tagħha u għamlet avvanzi konsiderevoli matul is-snin. 

Madankollu, is-sitwazzjoni tibqa’ żbilanċjata madwar  l-UE, f’dawn l-aħħar żminijiet il-progress tmewwet jew anki naqas f’xi oqsma. Iżda, l-evidenza tipponta b’mod ċar lejn il-benefiċċji tal-ugwaljanza tal-ġeneru għal individwi, l-ekonomija u s-soċjeta’ b’mod sħiħ. 

Stħarriġ  dwar l-opinjoni pubblika wera li l-maġġoranza kbira tal-Ewropej taqbel li l-promozzjoni tal-ugwaljanza  bejn is-sessi hi importanti għal soċjeta’ ġusta u demokratika, għall-ekonomija u għalihom personalment u li sehem dejjem jikber ta’ ċittadini jixtieq li l-UE tagħmel aktar f’dan il-qasam. L-Ewropej ukoll jistennew iżjed azzjoni mill-UE dwar policies relatati. 

Matul it-terminu leġislattiv ta’ bħalissa, bħala parti minn programm aktar wiesa’ dwar il-ugwaljanza  bejn  is-sessi, l-istituzzjonijiet Ewropej ħadmu fuq proposti għal liġijiet Ewropej ġodda biex isaħħu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u jiġġieldu l-vjolenza kontra n-nisa u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel se tibqa’ wieħed mill-isfidi prinċipali fis-snin li ġejjin. 

Ix-xejriet demografiċi, l-iżviluppi teknoloġiċi u bidliet fil-mod kif naħdmu huma biss wħud mill-kwistjonijiet fejn effetti differenti fuq in-nisa u l-irġiel se jkollhom jiġu kkunsidrati. Għażliet  għal aktar involviment Ewropew jistgħu jinkludu implimentazzjoni u infurzar aħjar tal-leġislazzjoni eżistenti, sforzi biex tkun immodernizzata, jimtela l-vojt fil-ħarsien u l-indirizz ta’ kwistjonijiet li jinqalgħu kif ukoll miżuri mhux leġislattivi bħal il-ġabra tal-informazzjoni u l-monitoraġġ, biex ikun hemm aktar attenzjoni u appoġġ għal inizjattivi nazzjonali. 

Se tkun meħtieġa r-rieda politika fil-livelli kollha sabiex il-kwistjonijiet ikunu trattati tul il-firxa sħiħa ta’ policies, flimkien mal-provvediment tal-istituzzjonijiet neċessarji, l-għodda u r-riżorsi sabiex ikun hemm azzjoni.