Ħobbhom  jew obgħodhom, il-kumpaniji tal-media soċjali bħal FacebookSnapchat u Instagram biddlu d-dinja li fiha lkoll ngħixu.  

Din ir-revoluzzjoni teknoloġika għadha fl-istadju bikri tagħha u mistennija tiffjorixxi fix-xhur u s-snin li ġejjin. Fl-istess waqt irridu nirrikonoxxu li din  il-qabża kbira ‘l quddiem biex nikkomunikaw ma’ xulxin, tista’ tagħmel il-ħsara lill-individwi u lis-soċjeta’ b’mod ġenerali. Ilkoll taqblu kemm il-ġganti tal-media soċjali qed jagħmlu profitti kbar. Imma kemm qed ikunu responsabbli fl-operat tal-media soċjali tagħhom?  

Riċerka partikulari rabtet l-użu tal-media soċjali ma’ firxa ta’ problemi fis-saħħa mentali – mid-depressjoni u l-ansjeta’ għal problemi fl-irqad. Iż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-25 sena, il-ġenerazzjoni li l-aktar tuża l-media soċjali, huma fost l-aktar suxxettibbli.  

Rapport pubblikat mir-Royal Society for Public Health fl-Ingilterra ssuġġerixxa li l-media soċjali tista’ taqbad il-vizzju aktar mill-alkoħol jew it-tipjip. Il-bullying u l-ħbiberija żejda li twassal għall-abbuż sesswali, qed ikunu spissi fuq ċertu pjattaformi. Sistemi li ġew disinjati biex iressqu n-nies lejn xulxin qed iħallu ħafna żgħażagħ, anki f’Malta, iħossuhom iżolati, waħidhom u aljenati. 

Madankollu, l-effetti li jagħmlu l-ħsara jestendu lil hinn minn dan. Mill-estremiżmu u l-frodi mill-proprjeta’ intellettwali għat-theddid fil-proċessi demokratiċi tagħna, il-qawwa tal-media soċjali tista’ faċilment tkun ħażina. 

Għaldaqstant min imexxi jew jikkontrolla l-media soċjali għandu jkollu d-dmir li jagħti kas ta’ min jużaha. Għandhom ikunu obbligati biex ikunu iżjed responsabbli għall-ħsara li tista’ tiġi kkaġunata fil-futur lil individwi u lill-pubbliku ġenerali bl-użu tal-pjattaformi tagħhom.  

Min imexxi Facebook jew You Tube, biex nieħdu żewġ eżempji, għandu jara li l-prevenzjoni mill-ħsara tkun il-qofol tal-operat tiegħu. L-investiment f’għodda biex ikunu  limitati l-ansjeta’, l-insigurta’ u d-dipressjoni li jistgħu jiġu kawżati mis-servizzi provduti minn ġganti ta’ teknoloġija, għandu  jkun parti mil-liċenzja tal-kumpaniji tal-media soċjali. 

Jekk irridu jkunu xempju ta’ ġid fis-soċjeta’ moderna tal-lum, il-kumpaniji tal-media soċjali għandhom ikunu responsabbli biex jindirizzaw il-ħażen li  qed jiġi mwettaq fuq l-internet. Fuq kollox, il-klijenti tagħhom, fosthom aħna l-Maltin, għandhom ikunu protetti u mwiegħda azzjoni f’waqtha.