Ir-rapport li ħareġ dan l-aħħar dwar is-saltna tad-dritt f’Malta maħruġ mill-Kummissarju Ewropea reġa’ enfasizza li hemm “sfidi serji” fl-effiċjenza tas-sistema tal-ġustizzja, b’mod partikolari id-dewmien fil-proċeduri tal-qrati. Minkejja r-riformi numerużi, u l-wegħdi li saru il-kwistjoni baqgħet tippersisti u saret endemika.

Għal darb’oħra Brussell wissiet li s-sitwazzjoni hi  “ta ħassib serju” kif kien konfermat mit-tul medju tal-proċeduri fid-diversi qrati Maltin. It-tul ta’ kawżi ċivili u kummerċjali fl-ewwel istanza, fl-2019, baqa’ twil ħafna (465 jum), li juri xejra dejjem tiżdied mill-2017. It-tul ta’ dawn il-proċeduri fl-appell kien ukoll twil ħafna (875 jum) fl-2019. Iċ-ċirasa fuq il-kejk kienet it-tul medju ta’ każijiet ta’ ħasil ta’ flus li kien jaqbeż l-1350 jum, anke jekk naqas xi ftit. Filwaqt li ż-żmien biex jiġu solvuti każijiet amministrattivi fl-ewwel istanza baqa’ twil, kien hemm tnaqqis mill-2017. Ir-rata li biha jinqatgħu il-kawżi f’każijiet ċivili, kummerċjali, amministrattivi u każijiet oħra fl-2019 kienet taħt il-100% u kompliet tonqos.

Din l-istatistika ġiet ippubblikata  ftit jiem wara ċ-ċanfira mogħtija mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti lill-Avukat Ġenerali dwar id-dewmien tal-proċeduri fl-iskandlu taż-żejt. Żvelat mill-Malta Today fl-2013, il-każ ilu jkaxkar għal tmien snin bi ftit li xejn progress. Bl-istess mod, il-proċeduri fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li qed jieħdu l-ħin tagħhom u kif! S’issa, il-każ għadu fi stadju ta’ kumpilazzjoni. Sadanittant, fl-Istati Uniti l-qtil ta’ George Floyd li seħħ ftit iktar minn sena ilu, diġà ingħalaq. Fi 12-il xahar biss, il-ħati tressaq il-Qorti u kien kundannat sentenza ta’ 22 sena priġunerija. Dan kollu sar b’rispett sħiħ għad-dritt ta’ smigħ xieraq.

U kif titqabbel din is-sitwazzjoni ma’ dik f’Malta? Tfittxija fil-websajt tal-qorti turi li wħud mill-każijiet pendenti jmorru lura għexieren ta’snin. F’każ wieħed kawża ċivili li kienet infetħet fil-Qorti ta’ Għawdex fl-1973 għadha pendenti.

L-istat attwali qed iservi biss biex tkompli tikber il-perċezzjoni, li  tmur il-qorti biss jekk għandek tort. Jekk inti fuq in-naħa tas-sewwa x’titlef biss għandek. Kif jgħidu bniedem avżat nofsu armat.