Il-MPE adottaw regoli biex informazzjoni użata fil-ħolqien ta’ prodotti ġodda u innovazzjoni, b’mod partikolari fl-Intelliġenza Artifiċjali tkun aktar disponibbli.

Il-Kumitat tal-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-Att dwar il-Governanza tad-Dejta tal-UE (DGA), immirat biex iżid il-fiduċja fl-użu tal-informazzjoni, joħloq regoli ġodda tal-UE dwar in-newtralità tas-swieq tal-informazzjoni u jiffaċilita l-użu mill-ġdid tagħha mis-settur pubbliku eż. informazzjoni dwar is-saħħa, l-agrikoltura jew l-ambjent, li qabel ma kinitx disponibbli taħt id-Direttiva dwar id-Data Miftuħa.

Dan kollu hu neċessarju biex jinfetaħ il-potenzjal tal-Intelliġenza Artifiċjali u jgħin lil negozji ġodda jiżviluppaw sistema ibbażata fuq standards u valuri tal-UE.

Il-MPE iċċaraw li l-iskop tal-leġiżlazzjoni speċjalment fir-rigward tas-servizzi ta intermedjazzjoni tal-informazzjoni, hu biex jiżguraw li kumpaniji kbar tat-teknoloġija jkunu koperti mill-qafas. Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jevitaw ftehim  li joħolqu drittijiet esklussivi għall-użu mill-ġdid ta’ ċerta informazzjoni,  il-MPE qed jinsistu. Huma qed jipproponu li jillimitaw ftehim esklussivi għal perjodu ta’ 12-il xahar, fi sforz biex jagħmlu aktar informazzjoni disponibbli għall-SMEs.

Informazzjoni sensittiva tas-settur pubbliku tista’ tiġi trasferita lil pajjiżi terzi biss fejn hemm livell simili ta’ protezzjoni bħal dawk fl-UE. Il-Kummissjoni se tiddikjara jekk pajjiż terz jipprovdix tali protezzjoni, permezz ta’ att delegat, li jippermetti lill-Parlament li jkollu vuċi fuq id-deċiżjoni. Il-MPE jgħidu wkoll li l-istati membri għandhom jistabbilixxu penali għal ksur.

Tixrid tal-informazzjoni

Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal fl-użu ta’ informazzjoni magħmula disponibbli volontarjament permezz ta’ kunsens infurmat jew interess ġenerali, bħar-riċerka xjentifika, il-kura tas-saħħa, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jew it-titjib tal-mobbiltà, il-leġiżlazzjoni għandha tistabbilixxi ġabriet ta’ informazzjoni fuq skema ta’ reġistrazzjoni volontarja apposta ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti fl-UE.

Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-ammont ta’ data ġenerata minn korpi pubbliċi, negozji u ċittadini mistenni li jiżdied b’ħames darbiet bejn l-2018 u l-2025. Ir-regoli l-ġodda jippermettu li din l-informazzjoni tiġi sfruttata u se jwittu t-triq biex is-soċjetà, iċ-ċittadini u l-kumpaniji jibbenefikaw minn dan il-proċess.