Il-Bank HSBC qed jiddefendi l-introduzzjoni ta’ numru kbir ta’ regolamenti ġodda dwar il-ħasil tal-flus għar-raġuni li dawn huma meħtieġa biex iħarsu “l-integrità” tas-sistema bankarja. Madankollu, qed iwiegħed li qed jagħmel minn kollox biex il-klijenti kemm jista’ jkun ma jintlaqtux ħażin.

Il-bank qal dan meta mistoqsi minn Voice of the Workers Weekly għar-reazzjoni tiegħu għar-rimarki magħmula mill-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji Reno Borg li esprima tħassib li l-banek u l-awtoritajiet regolatorji kienu qed jgħabbu lill-klijenti b’b burokrazija eċċessiva fi sforz biex jinfurzaw regolamenti dwar il-ħasil tal-flus. Fir-rapport annwali tiegħu tal-2020, l-arbitru appella għal soluzzjoni “biex titnaqqas il-burokrazija bla bżonn” li qal qed tagħmel il-ħajja tal-klijenti diffiċli u potenzjalment tfixkel l-investiment fis-servizzi finanzjarji u b’hekk taffettwa l-ekonomija b’mod negattiv.

Dan il-portal talab reazzjoni mill-HSBC Bank, il-Bank of Valletta u l-APS iżda sa meta nkiteb dan l-artiklu kien l-HSBC biss li wieġeb.

Fir-reazzjoni tiegħu kelliem għall-HSBC qal li l-bank kellu responsabbiltà fundamentali biex iħares l-integrità tas-sistema finanzjarja.

“Li nkunu nafu aħjar lill-klijenti tagħna huwa kruċjali biex inħarsuhom mill-kriminalità finanzjarja, u għalhekk niżguraw li l-informazzjoni kollha li għandna dwar il-klijenti hija preċiża, aġġornata u kompluta,” il-kelliem qal.

“Dawn ir-rekwiżiti huma essenzjali imma aħna nimmiraw li kemm jista’ jkun ma noħolqux tfixkil għall-klijenti tagħna. Il-ħidma fuq dan l-aspett importanti tgħin biex il-kriminali jinżammu barra mis-sistema finanzjarja, u minn dan kollu jibbenefikaw il-bank, il-klijenti tagħna u s-soċjetà,” kompla l-kelliem.

Sorsi fis-settur bankarju li ppreferew jibqgħu anonimi qalu lil Voice of the Workers Weekly li l-gvern jaħti tas-sitwazzjoni għax ma tax kas it-twissijiet li kienu qegħdin jingħataw fl-aħħar snin.

“Sfortunatament, issa qed inħallsu l-prezz għad-deċiżjoni tal-gvern li innamra ma’ gvernijiet korrotti u kumpaniji dubjużi waqt li għalaq għajnejh għall-imġieba ta’ ċerti politiċi għolja fi ħdanu,” is-sors qal.

“Id-deċiżjonijiet reċenti li wasslu biex Malta tpoġġiet fil-lista l-griża mill-Financial Action Task Force  kif ukoll mill-gvern tar-Renju Unit kienu mistennija, iżda l-gvern baqa’ mingħalih li seta’ jsalva s-sitwazzjoni billi jagħmel xi riformi fl-aħħar minuta,” is-sors kompla.

Fl-2018, il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Bank Malta ta’ dak iż-żmien, Andrew Beane, kien appella għal sforzi biex titħares ir-reputazzjoni tas-servizzi finanzjarji f’Malta wara s-settur spiċċa taħt il-lenti bl-iskandlu tal-Panama Papers fl-2016 u b’sensiela ta’ skandli ta’ korruzzjoni. L-appell tiegħu, li sar waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali kienet ġie interpretata bħala sejħa oħra lill-gvern biex tkun salvata r-reputazzjoni tal-gżira. Il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC kien talab ukoll lill-awtoritajiet regolatorji biex jiżguraw li  l-banek kollha jaderixxu mar-regolamenti dwar il-ħasil tal-flus. L-appell tiegħu sar fost tħassib li każ wieħed serju seta’ jgħarraq is-settur bankarju kollu.

Ftit xhur wara dan l-appell, il-Bank Ċentrali Ewropew kien irtira l-liċenzja tal-Pilatus Bank – bank li kien ġie deskritt bħala ‘makna tal-ħasil’ għal kumpaniji dubjużi u gvernijiet barranin korrotti. Sussegwentement, bank ieħor, Satabank Malta, ukoll itteħditlu l-liċenzja wara li sar magħruf li għaddew minnu tranżazzjonijiet suspettużi b’valur ta’ miljuni ta’ ewro.

Sfortunatament, dan hu każ ieħor fejn ħafna qed ikollhom iħallsu l-prezz tal-aġir ta’ ftit minn nies. Ċittadini onesti, NGOs, kumpaniji u kull min hu remotament kunsidrat bħala persuna politikament esposta qed iħallsu prezz qares.