Il-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar ir-rwol tal-Istat fil-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia huma ta’ tħassib kbir. Bħalma kienet ilha tgħid Daphne għal snin sħaħ, Malta kienet sejra lejn stat mafjuż fejn dawk li suppost huma inkarigati biex jiddefendu s-saltna tad-dritt kienu ħaġa waħda mal-kriminali.

“Ir-relazzjonijiet inċestużi f’ħafna livelli ta’ bejn l-amministrazzjoni pubblika fl-ogħla gradi fl-iskema tal-poter u n-negozju kbir u l-kriminalità organizzata ħolqu sistema korruttiva li nawwret ħafna istituzzjonijiet tal-pajjiż minn ġewwa.”

It-tliet imħallfin ippuntaw ukoll subgħajhom lejn l-istat billi qalu li kien responsabbli biex “iffavorixxa l-ħolqien ta’ de facto impunita li seta’ iffaċilita l-esekuzzjoni tar-reat”.

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ukoll kien ħallas prezz kbir fil-kampanja tal-elezzjoni ġenerali tal-2017. Dak iż-żmien kien hemm min irredikolah meta fil-qorti kien ippreżenta kaxxi bl-evidenza dwar ħasil ta’ flus u korruzzjoni fuq Keith Schembri u Adrian Hillman. Iż-żmien wera li Busuttil kellu raġun. Sfortunatament, ftit xhur wara Daphne ħallset l-ogħla prezz talli kienet qed tesponi l-verità. Din mhux kwistjoni politika, jew ta’ xi ħadd li kiteb kontra ħadd ieħor, iżda dwar mara li waħedha kixfet korruzzjoni li l-ebda media oħra f’Malta ma kellha l-kuraġġ tagħmel. Mhux eskluż lanqas, li media oħra setgħet kienet taf iżda qagħdet lura għax kien hemm il-biżgħa li jitilfu r-reklamar mill-gvern – li huwa s-sors ewlieni ta’ dħul għall-biċċa l-kbira tal-media f’Malta. Daphne ma kienet tħares lejn wiċċ ħadd u kienet tesponi ftehim korrotti li jinvolvu politiċi, negozjanti u figuri pubbliċi.

Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport il-Prim Ministru Robert Abela għamel apoloġija lill-familja Caruana Galizia u ftaħar bir-riformi li saru fl-aħħar sena. Madankollu, għadu mdawwar fil-kabinett minn ċerti elementi li kienu minn ta’ quddiem fil-kampanja kontra  Daphne inkluż eks-ministeru tal-ġustizzja li min jaf kemm il-darba ordna biex il-mafkar quddiem il-Qorti fil-Belt jitneħħa. Hemm ukoll eks ministru tal- interni li taħtu kellna kummissarju tal-pulizija li jew kien pupazz ta’ Kastilja jew kien  effettiv daqs tifel ta ’sitt snin li jipprova jiddefendi f’logħba futbol kontra Messi u Ronaldo. Ir-responsabbiltà politika ma tfissirx li tpoġġi lilek innifsek għar-rieda tal-poplu billi tmur għall-elezzjoni ġenerali. L-elezzjonijiet m’għandhom x’jaqsmu xejn ma dan kollu u min qed jagħmel pressjoni biex tittieħed din it-triq sejjer żball. Fl-aħħar mill-aħħar, ir-reputazzjoni tal-pajjiż ma tissewwiex billi tikseb mandat elettorali ġdid. L-uniku mod biex noħorġu minn dan l-isqaq hu li r-roti tal-ġustizzja jibdew iduru mingħajr biża’ u favuri.