Sas-sena 2050, in-numru ta’ nies li potenzjalment se jkollhom bżonn kura fl-Unjoni Ewropea hu mbassar li jiżdied b’aktar minn tmien miljun, u jwassal għal żieda fid-domanda għal servizzi ta’ kura fit-tul.

Din iż-żieda hi żvelata mir-Rapport dwar il-Kura fit-Tul tal-2021 – Xejriet, Sfidi u Opportunitajiet f’Soċjetà li qed Tixjieħ, li kien ippubblikat reċentement mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali.

Ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali tal-qagħda attwali tas-sistemi tal-kura fit-tul fl-UE u r-riformi reċenti, u jenfasizza wkoll il-miżuri tal-ewwel rispons meħuda matul il-pandemija. Ir-rapport juri d-domanda attwali u futura għal kura fit-tul u nuqqasijiet fl-aċċess għall-kura formali, fil-kuntest ta’ bidliet demografiċi, b’mod partikolari s-sehem dejjem jikber tal-popolazzjoni anzjana u bidliet fl-istrutturi tad-djar u fis-suq tax-xogħol.

Ir-rapport juri li aktar minn terz tal-anzjani fl-UE ma jużawx il-kura meħtieġa għax ma jistgħux jaffordjawha u li l-kura fit-tul hi meħtieġa aktar min-nisa milli mill-irġiel, bi kważi d-doppju tal-ammont. In-nisa huma wkoll il-maġġoranza l-kbira tal-carers, filwaqt li ħafna ħaddiema fis-settur jesperjenzaw kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli u pagi baxxi, li jirriżultaw f’nuqqas ta’ ħaddiema.