Wasal iż-żmien li nibdew insewwu l-ħsara li saret lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna
Ir-riżenji ta’ Keith Schembri minn Chief-of-Staff tal-Prim Ministru u tal-Ministru Konrad Mizzi kif ukoll l-awto-sospensjoni tal-Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona, fl-isfond tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, huma passi ‘il quddiem iżda dan ma jnaqqas xejn mill-inkwiet li hawn bħalissa. Ir-ritmu li bih sejrin l-affarijiet qed ikun wisq mgħaġġel u se nkunu qed nisimgħu b’aktar nies involuti fil-kobba mħabbla tal-korruzzjoni.
Għalhekk il-kwistjoni għadha mhix magħluqa. Madankollu l-ħsara li saret fir-reputazzjoni ta’ pajjiżna xterdet u qed tkun rappurtata f’diversi pajjiżi. Minkejja li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna, partikularment il-Pulizija u l-Qrati, ma kinux qed jagħmlu d-dover tagħhom, issa bilfors kellhom jittieħdu ċertu deċiżjonijiet. Fl-Ewropa l-qagħda f’pajjiżna qed tkun segwita u l-azzjonijiet li qed isiru mis-soċjetà ċivili qed ikunu rappurtati. Dan kollu, wara kollox, qed iseħħ biex issir ġustizzja u biex id-dehra hemm barra ta’ pajjiżna nreġġgħuha lura għalli kienet. Ir-reputazzjoni ddum biex tinbena imma tista’ tintilef f’ħakka t’għajn.
Niftakru li meta, per eżempju, feġġet il-kriżi fil-Libja u ħafna ċittadini Libjani ħarbu għal għixien aħjar, Malta kienet ingħatat prominenza kbira fit-tajjeb. Id-dehra u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna kienet imfaħħra. Illum, sfortunatament, il-kuntatti li kellna mal-Libja nbidlu fil-mod kif diversi Libjani ġew misruqa minn skemi li kellhom x’jaqsmu mas-saħħa.
Id-dehra ta’ pajjiżna ittappnet mal-Libjani, aħseb u ara fl-Ewropa. Malta spiċċat bħala ċentru għall-operat tal-Mafja fl-iGaming u f’aspetti relatati mas-servizzi finanzjarji. Filli Malta kienet fuq l-idejn dwar governanza tajba u filli issa spiċċat bħala punt ta’ attrazzjoni għal nies li jistgħu biss iħallu impatt negattiv fuq pajjiżna.
U xi ngħidu dwar l-iskema fil-bejgħ tal-passaporti? Skema li tabilħaqq hija mistmerra li għada taqla’ kritika ħarxa peress li għandha rabtiet ‘maħmuġin’. Infakkru li kien hawn min li għall-ewwel ma riedx iċ-ċittadinanza Ewropea imbagħad beda jbiegħha lil persuni oligarkiċi, fosthom nies miċ-Ċina, mir-Russja – individwi li huma blacklisted minħabba l-frodi. Dawn in-nies iddaħħlu fl-Ewropa grazzi għal din l-iskema maħmuġa.
Il-qagħda inkwetanti fil-pajjiż hija marbuta mal-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia u sabiex din il-qagħda tiżblokka ruħha, għandna l-ewwel u qabel kollox inkunu nafu l-istorja kollha dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Infakkru li hi kienet l-ewwel ġurnalista li nqatlet fl-Unjoni Ewropea. Mhux biss irridu nkunu nafu min u fejn imma rridu nkunu nafu għaliex inqatlet. Wisq nibżgħu li hemm aktar nies fil-poter li huma involuti u għalhekk l-affarijiet iridu jiċċaraw ruħhom.
Qed ngħixu kriżi kostituzzjonali. Jeħtieġ li dan il-pajjiż jitmexxa minn nies diċenti li jkunu ndaf mill-korruzzjoni u biex fl-aħħar mill-aħħar is-saltna tad-dritt terġa’ tirrenja. Fuq kollox wasal iż-żmien li nibdew insewwu l-ħsara kbira li saret lir-reputazzjoni ta’ Malta. Il-poplu Malti jixraqlu aħjar.