F’dinja mgħaġġla u li qed tevolvi l-ħin kollu fejn teknoloġiji ġodda qed ifeġġu, li nkunu aġġornati bix-xejriet u żviluppi kurrenti saret l-ordni tal-ġurnata. Dan qed ikun iżjed u iżjed kruċjali fil-post tax-xogħol fejn tali bidla teknoloġika u fis-soċjetà qed twassal lill-ħaddiema fis-setturi kollha biex jibqgħu jedukaw u jħarrġu lilhom infushom fil-qasam rispettiv tagħhom. Għalhekk, l-edukazzjoni u t-taħriġ ma jiqfux fl-iskola jew fl-università. 

Minn kuntest soċjali, li jkollok ħaddiema mħarrġa li jżommu ma’ żviluppi ġodda hu ta’ benefiċċju mhux biss għalihom, imma wkoll jassigura ekonomija kompetittiva u li tipprometti. 

L-UE tirrikonoxxi r-rwol importanti tal-edukazzjoni u t-taħriġ f’dan ir-rispett. Il-prova ta’ dan huma l-fondi u l-koordinament tal-politika li l-UE tiddedika fis-settur edukattiv. Programmi ta’ fondi Ewropej,  bħalma hu Erasmus+, mhux biss jappoġġjaw lil studenti żgħażagħ li għadhom jistudjaw imma wkoll jippromwovu t-tagħlim tal-adulti, kemm biex jinkisbu ħiliet ġodda jew eżistenti li jkunu  ta’ benefiċċju għas-suq tax-xogħol preżenti. Fil-fatt, l-iskop ta’ Erasmus+ huwa biex issir kontribuzzjoni għall-istrateġija tal-UE għal iżjed tkabbir ekonomiku, impjiegi kif ukoll li jitnaqqas id-distakk fl-inugwaljanzi soċjali fl-istati membri kollha. Dan għax l-UE ukoll qed tagħmel ħafna iżjed milli tiffinanzja proġetti relatati mal-edukazzjoni bħal, per eżempju, il-ħolqien ta’ sistema fejn il-kredenzjali fit-taħriġ u l-edukazzjoni miksuba fi stat membru jista’ faċilment jiġi rikonoxxut fi stat ieħor. B’dan il-mod hemm il-faċilità u l-aċċess fl-edukazzjoni li jassiguraw li l-ħaddiem medju jinżamm infurmat u li l-ħaddiem ikun mgħammar bl-għarfien u l-ħiliet f’ambjenti ġodda, li qed jinbidlu u dawk dinamiċi.