F’dinja mmexxija mit-teknoloġija, qed ikun iżjed diffiċli li ninqatgħu mit-teknoloġija diġitali wara x-xogħol u dan qed jagħmilha diffiċli biex naqtgħkull mezz ta’ komunikazzjoni minħabba t-tentazzjoni li nwieġbu xi messaġġ jew email bil-mobile f’idejna jew permezz tal-laptop.  Xi drabi tkun għażla libera ta’ l-individwu, iżda jkun hemm każijiet fejn l-impjegat tiġi imposta fuqu u jkun mistenni li jwieġeb anke f’ħinijiet mhux soċjali jew fil-ġranet liberi. 

Sabiex jiddiskuti dan is-suġġett, il-MEUSAC organizza konferenza bit-tema The Right to Disconnect għall-partijiet interessati fil-Lukanda Suncrest, il-Qawra fit-28 ta’ Ottubru 2019. Għaliha attenda u pparteċipa Mario Sacco, Assistent Direttur fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers 

F’wieħed mill-workshops tal-konferenza, li tmexxa minn Mario Sacco innifsu, ħareġ fost oħrajn il-punt li r-Right to Disconnect mhix xi ħaġa li bdiet issa. Dan għax jekk nieħdu x-xenarju tradizzjonali, qabel ma dħalna fid-dinja diġitali, mhux l-ewwel darba li ħaddiem kien iserraħ rasu billi jieħu x-xogħol miegħu id-dar u jlestih. Issib  min kien jagħmel dan volontarjament u kien hemm employers li kienu jesiġu mal-ħaddiema biex ikomplu x-xogħol mid-dar. Illum, bit-teknoloġija fl-idejn, huwa ferm aktar faċli għal  min iħaddem biex jikkuntattja lill-ħaddiem kull ħin u kull mument u jordnalu xi biċċa xogħol wara l-ħin  tax-xogħol. 

Mid-diskussjoni ħareġ li min iħaddem ma għandux jikkomunika mal-impjegati fuq l-għodod teknoloġiċi personali tagħhom. L-istess japplika għall-impjegati u dawn m’għandhomx jużaw l-emails personali tagħhom għal skopijiet ta’ xogħol. Mario Sacco jistaqsi, jekk l-internet huwa provdut minn min iħaddem, l-impjegat jista’ f’xi ħin jitfih? Waqt il-perijodi ta’ mistrieħ, il-ħaddiem għandu dritt jitfi l-mezzi ta’ komunikazzjoni tiegħu minn mal-post tax-xogħol? 

Mario Sacco żied li hawn ħafna ħaddiema li jingħataw laptop u mobile tax-xogħol u min iħaddem jippretendi li l-ħaddiema jagħmel użu minnhom anki wara l-ħinijiet tax-xogħol. Hu qal li minn din il-problema joħorġu tliet fatturi: il-kwistjoni tista’ ma tkunx direttament ma’ min iħaddem imma hi kwistjoni marbuta max-xogħol minħabba servizz lejn il-klijenti u l-kuntatt li jkollhom dirett magħhom; hemm ukoll l-element li wieħed iħossu obbligat, jew min iħaddem jipprova jobbligah għax il-mezzi ta’ komunikazzjoni huma provduti u mħallsa minn min iħaddem; u hemm ukoll l-element li,  minħabba nuqqas ta’ għarfien, nies b’ebda nkarigu/obbligu jagħżlu huma li jagħtu n-numru tagħhom tal-mobile jew l-email tagħhom kif ukoll mezzi oħra ta’ komunikazzjoni fuq ilmedia soċjali bħal facebookmessengertwitter eċċ. 

Għall-futur, tliet affarijiet huma meħtieġa. L-ewwel li  l-ħaddiema jkunu edukati u aġġornati bl-iżviluppi  teknoloġiċi u d-drittijiet tagħhom; it-tieni, li jkun hemm distinzjoni bejn il-kariga u r-responsabbiltajiet tal-persuna u t-tielet li jkun hemm qafas legali li jrid ikun ċar u addattat biex jindirizza s-sitwazzjonijiet kollha.