Il-frażi bl-Ingliż ‘uglification’ qed jiġi assoċjata ma’ bini kontroversjali madwar Malta u Għawdex li qed iqanqal kritika  li qed jirvina  żoni ta’ konservazzjoni urbana, il-pajsaġġ tal-irħula jekk mhux il-kwalità tal-ħajja tagħna. Fl-2019, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat mhux inqas minn 12,500 applikazzjoni għall-iżvilupp li jfissru madwar 34 permess kuljum. Il-kwistjoni vera, madankollu, mhix dik tal-kwantità, iżda t-tip ta’ bini li qed ikun approvat.

F’dawn iż-żminijiet jidher li saret  moda li titwaqqa’ binja, ħafna drabi dar, biex minflokha titla’ blokka ta’ appartamenti. Il-kunċett mhuwiex intrinsikament ħażin speċjalment fi gżira li għandha waħda mill-ogħla densitajiet tal-popolazzjoni fid-dinja, għax dik hija l-unika soluzzjoni biex ma tinqeridx aktar art verġni. Il-problema tinsab fil-mod kif qed isir dan il-bini. It-twaqqigħ ta’ bini tal-ebda valur storiku fil-periferija biex jinbnew appartamenti mhux l-istess ħaġa bħall-bini għoli u dejjaq fil-qalba tar-raħal li jistona mal-ambjent ta’ madwaru speċjalment meta jkun maġenb xi kappella, bini storiku jekk mhux  il-knisja parrokkjali.

Punt ieħor importanti hu d-disinn ta’ ċertu bini ġdid li qed ikerrah. Jidher ċar li l-design advisory committee fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar irid jingħata iktar saħħa biex ikun żgurat li jinżamm ċertu livell mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ santità imma wkoll id-disinn mil-lat estetiku. Tajjeb nistaqsu – X’se jkun il-legat tal-arkitettura preżenti? Immaġinaw li kieku l-Kavallieri ta’ San Ġwann ma tawx każ l-estetika u l-kwalità fid-disinn tal-bini. Li kieku kien hekk Malta ma kienx ikollha il-ġawhriet arkitettoniċi tal-Belt u l-Kottonera.

B’dan il-pass sa ftit snin oħra il-bliet u l-irħula Maltin mhux se jibqgħu jintgħarfu. Meta tħares lejn il-Belt mill-inħawi tal-Kottonera tirrealizza li l-kapitali m’għadhiex tiddomina l-peniżola hekk kif il-bini għoli f’Tas-Sliema u t-torrijiet f’’San Ġiljan jispikkaw fl-isfond. L-istess qed jiġri bl-Imdina.

L-għeruq tal-problema tmur lura għas-snin ta’ wara l-Indipendenza meta l-ewwel li laqqatha kien ix-xatt ta’ Tas-liema. Fis-snin ta’ wara żoni oħra tal-gżejjer Maltin missithom l-istess xorti u issa jidher li Għawdex qabad din it-triq.

Ħafna jwaħħlu fl-iżviluppaturi u l-Gvern tal-mod kif jibdlu r-regolamenti tal-ippjanar, iżda fir-realtà t-tort mhux tagħhom biss. Dan kollu hu riżultat ukoll għar-rgħiba ta’ ħafna minna li l-unika kunsiderazzjoni tagħhom hija kif jagħmlu l-flus mill-biċċa art jew propjetà li jkollhom mingħajr ma jaraw xejn iktar. Għalkemm il-propjetà immobbli tibqa’ waħda mill-aktar investimenti sodi f’Malta hemm ir-riskju li fl-aħħar mill-aħħar se noqtlu t-tiġieġa li tbid il-bajd tad-deheb. Jidher li ħafna għadhom jinteressahom biss minn kif se jmorru tajjeb huma u mhux qed jirrealizzaw li eventwalment il-kwalità tal-ħajja tagħna se tibda tintlaqat ħażin.

Aspett partikolari li qed ikun traskurat mill-awtoritajiet hu dak li għandu x’jaqsam mal-parkeġġ. Ħafna drabi meta proġett ikun għadu qed jiġi ppjanat ikun jidher ċar li jew mhux se jkun hemm biżżejjed spazji għall-parkeġġ jew saħansitra ikun se jonqos l-ispazju disponibbli. Sfortunatament, saret in-norma li l-iżviluppaturi iħallsu ammont ta’ flus f’Fond għall-Iżvilupp Urban u jingħataw permess xorta waħda. Dan il-mekkaniżmu qed ikun użat fuq mijiet ta’ applikazzjonijiet kull sena. Filwaqt li din hi soluzzjoni faċli għall-iżviluppaturi, ir-realtà hi li s-sitwazzjoni qed tmur għall-agħar. Jidher ċar li hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet oħra li verament jindirizzaw il-kwistjoni tal-parkeġġ.

B’dan il-pass li tgawdi ftit dawl tax-xemx f’darek stess jew li ssib spazju għall-parkeġġ wara ġurnata xogħol se ssir xi ħaġa kważi impossibbli. Dan huwa l-prezz tal-ippjanar bl-addoċċ, ir-rgħiba u l-egoiżmu. B’din ir-rata kull ma se jifdal għall-ġenerazzjonijiet se jkun biss xi ritratti antiki u xi binja storika qalb il-ġungla tal-konkrit li qed nibnu.