Erasmus+ hu l-programm ta’ finanzjament tal-UE għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport għas-snin 2021-2027. L-isem tal-programm baqa’ l-istess mill-aħħar baġit (2014-2020), b’xi aġġornamenti għall-istruttura tal-opportunitajiet ta’ finanzjament li dan joffri.

Erasmus+ hu magħmul minn tliet azzjonijiet ewlenin, kif ukoll l-azzjonijiet ta’ Jean Monnet. Kull azzjoni ewlenija fi ħdan il-programm tirrappreżenta sett differenti ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament:

  • Azzjoni Ewlenija 1 hi għal opportunitajiet ta’ tagħlim barra mill-pajjiż għal individwi, inkluż tagħlim informali;
  • Azzjoni Ewlenija 2 tiffoka fuq il-promozzjoni tal-kooperazzjoni fost l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet
  • Azzjoni Ewlenija 3 tipprovdi appoġġ għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni tal-politika

Proġetti fil-qasam tal-isport jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-Erasmus+ mhux biss permezz ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament speċifikament fil-qasam tal-isport, bħal avvenimenti sportivi mhux għall-profitt iżda wkoll permezz ta’ opportunitajiet oħra bħat-taħriġ tal-ħaddiema u l-voluntiera (inkluż coaches u impjegati fl-amministrazzjoni), l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki bejn atleti lokali u barranin.

Għal aktar informazzjoni dwar Erasmus+ jew opportunitajiet oħra ta’ finanzjament mill-UE, jekk jogħġbok ikkuntattja lil SEM fuq info.sem@gov.mt jew ċemplilna fuq 2200 3300.