Spiża ta’ €90 miljun fis-sena minbarra impatt fuq l-ambjent

Sistema ta’ metro f’Malta tiswa mad-€90 miljun fis-sena biex titħaddem u għalhekk il-Gvern irid ikun responsabbli biex ma jieħux deċiżjonijiet li jistgħu ikunu ta’ piż qawwi fuq il-finanzi pubbliċi. Fl-istess ħin, il-Gvern irid jiżen l-impatt ambjentali tal-proġett fosthom il-volum qawwi ta’ skart ta’ kostruzzjoni li se jkun ġenerat u l-fatt li biex is-servizz ikun finanzjarjament vijabbli hemm bżonn ta’ żieda qawwija fil-popolazzjoni.

Il-Ministru tat-Trasport Ian Borg qal dan f’intervista mal-Voice of the Workers Weekly dwar il-pjan tal-Gvern għat-traffiku, partikularment l-introduzzjoni ta’ sistema tat-trasport pubbliku tal-massa taħt l-art, magħrufa bħala metro. Hu spjega li mill-istudji li l-Gvern għandu f’idu jidher ċar li tkun xi tkun id-deċiżjoni, il-pajjiż se jkollu jħallas prezz.

Filwaqt li b’sistema bħal din hemm potenzjal qawwi li jonqos it-traffiku, hu qal li l-poplu jeħtieġ jara l-istampa kollha biex jifhem x’tinvolvi.

“Ma jistax ikun li l-poplu jistenna li l-biljett ikun b’xejn għax hawnhekk qed nitkellmu fuq €80 miljun, €90 miljun fis-sena biex jitħaddem is-servizz,” il-Ministru tat-Trasport qal. Dan xorta ma jkunx qed jieħu post is-sussidju annwali ta’ bejn €30 miljun u €35 miljun għas-servizz tal-karozzi tal-linja, li jkollu jkompli jikber biex iservi r-rotot tal-metro.

“Filwaqt li kulħadd jieħu pjaċir ikun moqdi mill-pjazza tar-raħal il-Gvern irid ikun responsabbli fid-deċiżjoni li jieħu,” hu kompla.

Skont dawn l-istudji anki r-rotot infushom jistgħu joħolqu kontroversja minħabba l-impatt li dawn se jkollhom fuq il-valur tal-propjetà u l-kummerċ.  Barra minn hekk id-daqs tal-popolazzjoni Maltija jfisser li l-unika rotta finanzjarjament vijabbli fil-preżent hi bejn Pembroke u l-Gżira.

“Biex is-servizz ikun vijabbli sa Għawdex irid iġorr 150,000 passiġġier. Dan ikun ifisser splużjoni fil-popolazzjoni t’Għawdex li żgur li mhux fil-pjan ta’ dan il-Gvern,” il-ministru kompla.

Il-Ministru tat-Trasport esprima ruħu favur li jkunu pubblikati l-istudji biex il-poplu jkun jista’ jifhem l-implikazzjonijiet ta’ dan il-proġett. Madankollu, għamilha ċara li ma jaqbilx mal-introduzzjoni ta’ taxxa taċ-ċirkolazzjoni fuq it-traffiku.

Il-mina bejn Malta u Għawdex

Il-Ministru Ian Borg insista li dan il-proġett hu finanzjarjament vijabbli għax hu bbażat fuq il-kunċett li l-investiment isir kollu mill-privat li jifdi l-ispejjeż matul is-snin ta’ wara permezz tad-dħul mit-tariffi. Il-Gvern bħalissa qed jevalwa erba’ offerti li ntefgħu minn konsorzji internazzjonali.

Madankollu, esprima dispjaċir li jidher li m’għadx hemm kunsens politiku bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni għax qal li din issa trid li jkun hemm numru ta’ kundizzjonijiet fosthom referendum f’Għawdex. Il-Ministru qal ukoll li l-fatt li qed tkun introdotta l-fast ferry ukoll iqajjem dibattitu dwar kemm dan il-proġett hu meħtieġ.

Mistoqsi jekk il-Gvern hux qed jerġa jibdielu, Ian Borg qal li l-Gvern jixtieq li jwettaq il-proġett skont kif imwiegħed fil-manifesti elettorali tal-Partit Laburista. Fl-istess ħin, sostna li l-Gvern ikun irresponsabbli jekk ma jagħtix każ dak li qed jgħid il-partit fl-Oppożizzjoni li jista’ eventwalment ikun fil-gvern u għalhekk irid ikun hemm taħditiet biex il-proġett jibqa’ għaddej.

Xogħol fuq toroq arterjali

Il-Ministru tat-Trasport qal li bit-tlestija tax-xogħolijiet fuq il-junction fil-Marsa u dik f’Santa Luċija it-traffiku fin-naħa t’isfel ta’ Malta naqas ħafna. Sadattant it-tlestija tax-xogħlijiet fuq il-mini ta’ Triq Reġjonali u f’Tal-Qroqq fil-ġimgħat li ġejjin, u dawk fuq is-Central Link sal-aħħar tas-sena se jkomplu jtejbu s-sitwazzjoni. Barra min hekk sal-aħħar tas-sena d-dieħla għandu jkun lest il-proġett ħdejn l-ajruport. Wara jkun jonqos żewġ proġetti kbar oħra – dak tal-Imsida u l-ieħor tad-daħla ta’ Pacevile u Pembroke.

Dwar il-kontroversji fuq l-impatt ambjentali speċjalment il-qirda tas-siġar Ian Borg qal li dan iseħħ biss meta ma jkunx hemm soluzzjoni oħra. Spjega li s-siġar tal-ficus bħal dik li nqalgħet kontroversja dwarha dan l-aħħar f’Ħ’Attard jew taż-żebbuġ jistgħu ikunu salvati għax qed jitħawlu post ieħor. Madankollu ammetta li siġar taż-żnuber u l-prinjol ma tantx jgħixu u jkun għalhekk li jitħawwlu siġar oħrajn flokhom.

L-infrastruttura tal-portijiet

Il-Ministru tat-Trasport qal li sa nofs l-2023 il-proġett f’Ras Ħanżir biex jitjiebu l-faċilitajiet tal-ħatt tal-merkanzija se jkun tlesta. Bħalissa qed ikunu evalwati l-offerti  għas-sejħa li ħareġ il-Gvern li jvarjaw minn €35 miljun sa €90 miljun. B’dan il-proġett se jkun hemm bankina ġdida u żieda fil-kapaċità tat-terminal. Fl-istess ħin qed isir ukoll tħammil tal-port biex jiffaċilita d-dħul ta’ bastimenti kbar. Ladarba l-proġett ikun lest irid ikun deċiż jekk Ras Ħanżir ikunx amministrat minn Transport Malta jew toħroġx sejħa għal min ikun interessat li jamministrah.

Dwar il-kwistjoni tal-foremen tal-ħaddiema tax-xatt li ilhom snin twal jitolbu reviżjoni tal-ftehim tagħhom Ian Borg qal li se jkompli jaħdem biex tinstab soluzzjoni u fisser kif il-UĦM qed tkun xprun fuq il-Gvern biex tittieħed azzjoni. Qal ukoll li bil-proġett ta’ Ras Ħanżir il-foremen għandhom potenzjali li jmorru tajjeb minħabba li jiżdied il-volum tal-merkanzija li tgħaddi minn din il-faċilità.