L-identità ta’ nazzjon hi magħġuna fl-istorja, fit-tradizzjonijiet, fil-kultura, fil-pożizzjoni ġeokrafika kif ukoll fil-lingwa. Din tal-aħħar hi privileġġ li mhux kull pajjiż għandu. L-Istati Uniti, l-Awstralja, l-Brażil biss insemmgħu xi wħud huma potenzi mondjali jew pajjiżi kbar li jiddominaw il-kontinent rispettiv imma li m’għandhomx ix-xorti tagħna l-Maltin li għandna l-lingwa tagħna. Il-Malti, għandu saħħa legali kbira għax hu waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hemm ukoll karatteristika oħra li ssibha f’ilsna nazzjonali – dik tad-diversi djaletti skont ir-reġjun tal-Gżejjer Maltin.

Madankollu, hemm sinjali inkwetanti li l-ilsien nazzjonali jinsab mhedded u jekk mhux se noqgħodu attenti sa ftit snin oħra se jibda jmut mewta naturali. Dan it-theddid ġej minn diversi bnadi fosthom il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, l-influss ta’ ħaddiema barranin, il-globalizzazzjoni u xi drabi nuqqas ta’ materjal edukattiv bil-Malti.

Sentejn ilu, l-eks Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo kien mistoqsi fil-parlament fuq l-isforzi tal-Gvern biex il-lingwa Maltija tkun imħarsa. Hu kien stqarr mingħajr tlaqliq li Fonzu l-Fenek, karattru tat-tfal maħluq lokalment ma kellu qatt ċans jeħodha kontra Peppa Pig, karattru popolari ħafna fuq stazzjonijiet f’180 pajjiż madwar id-dinja. Dan ifisser li sa minn età żgħira it-tfal qed ikunu esposti għall-Ingliż jekk mhux b’aċċent Amerikan ukoll, iżda ftit li xejn għall-Malti. Is-sitwazzjoni tkompli tisserja meta d-dar u xi drabi anki l-iskola, il-Malti jew ma jkunx inkoraġġit jew ma jintuża xejn. Ir-riżultat ta’ dan kollu jibda ħiereġ fl-eżamijiet tas-SEC fejn sena wara l-oħra l-eżaminaturi qed iwissu li s-sitwazzjoni sejra lura. Biżżejjed wieħed jara x’Malti qed ikun użat fuq mezzi soċjali fosthom il-Facebook u jirrealizza li ftit huma dawk li għandhom livell aċċettabbli. Dan biex ma nsemmgħux il-livell ta’ Malti fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju li saru benniena ta’ kliem ivvintat b’taħlita ta’ Malti, Ingliż u Taljan. F’dan l-aspett l-Awtorità tax-Xandir għandha tkun iktar pro-attiva u jekk hemm bżonn tingħata s-saħħa biex tiżgura li kull xandar ikollu livell bażiku tal-Malti. Dan jista’ jsir b’korsijiet apposta li jolqtu l-aktar punti importanti fl-użu tal-lingwa Maltija. Huwa minnu li ċertu kliem tekniku ma jistax jintqal bil-Malti imma min naħa l-oħra spiċċajna f’sitwazzjoni li kliem li jifhmu kulħadd bħall-ġranet tal-ġimgħa mhux qed jintużaw u minflok jintqalu bl-Ingliż.

Sadattant l-influss ta’ ħaddiema barranin kompla jgħarraq is-sitwazzjoni għax kull ma jmur kulħadd qed ikollu juża l-Ingliż biex jikkomunika. Tmur f’lukanda, ristorant jew karozza tal-linja, ħafna drabi ssib li l-ħaddiema ma jkunux jifhmu bil-Malti. Dawn ix-xejriet jidhru ċari fit-tfal fejn ħafna drabi ma jħossuhomx komdi jitkellmu bil-Malti, għandhom vokabularju limitat u xi drabi jaslu f’sitwazzjoni fejn biex jifhmu kelma bil-Malti trid issirilhom spjegazzjoni bl-Ingliż. Mhux ta’ b’xejn li fl-eżamijiet tas-SEC qed ikun hemm studenti ta’ 16-il sena li lanqas biss ikunu kapaċi jesprimu ruħhom u jispiċċaw jikkonjugaw kliem li ma jeżistix. Xi drabi qed jiġri wkoll li espressjonijiet u idjomi bl-Ingliż qed jinqalbu direttament għall-Malti, flok jintużaw espressjonijiet Maltin.

Fuq nota pożittiva il-proġett li jsir ċekkjatur (spellchecker) bil-Malti hu pass kbir ’il quddiem għax għall-inqas se jkun hemm sors ta’ min jorbot fuqu biex jonqsu l-iżbalji tal-ortografija. Madankollu, biex is-sitwazzjoni titjieb hemm bżonn ta’ liġi li tistabbilixxi dawk iċ-ċirkostanzi u sitwazzjonijiet fejn l-użu tal-Malti, anki jekk mhux esklussivament, għandu jkun obbligatorju.

Ma jagħmilx sens li f’postijiet bħal sptarijiet, djar tal-anzjani jew f’servizzi essenzjali bħat-trasport pubbliku, il-Malti jkun eliminat totalment. Dan qed ipoġġi fi żvantaġġ kategorija tal-popolazzjoni li jew ma tafx tuża l-Ingliż b’mod tajjeb jew tħossha iktar komda tuża l-ilsien nazzjonali. Agħar minn hekk qed jirrelega l-ilsien nazzjonali għal-lingwa tal-ftit, x’aktarx il-popolazzjoni anzjana u xi akkademiċi bir-riskju li l-kisbiet li saru mill-pijunieri tal-lingwa Maltija fosthom Mikiel Anton Vassalli, Dun Karm Psaila u Ġużè Aquilina jintremew il-baħar.