Is-sitwazzjoni mwegħra fil-binja tal-Qorti t’Għawdex fosthom in-nuqqas ta’ aċċessibiltà, kwistjonijiet marbuta mas-saħħa u sigurtà, faċilitajiet primittivi u anki l-ispazju limitat qed iwasslu biex ħaddiema f’din l-istituzzjoni tant importanti jikkunsidraw li jsibu xogħol ieħor b’detriment għas-sistema tal-ġustizzja f’Għawdex.

Filwaqt li l-UĦM Voice of the Workers ilha żmien twil tinsisti biex tittieħed azzjoni, fl-aħħar jiem il-kwistjoni tant eskalat li bi protesta l-avukati li jipprattikaw fil-Qorti t’Għawdex irrifjutaw li jattendu s-seduti b’riżultat li x-xogħol waqaf kompletament. Kien biss wara l-intervent tal-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis li waqqfu dan il-boycott wara li ġew imwiegħda li tittieħed azzjoni.

Sorsi qalu lil Voice of the Workers Weekly li fl-aħħar xhur telqu diversi ħaddiema waqt li oħrajn qed jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom. Dan qed iwassal biex ix-xogħol amministrattiv jaqa’ lura minħabba nuqqas ta’ ħaddiema.

“Wasalna f’sitwazzjoni redikola li minħabba li l-binja mhux aċċessibbli, qed ikollna nagħtu l-ġurament barra t-triq ħdejn il-parkeġġ taċ-Ċittadella. Dan irid isir xemx u xita u anki b’riskju personali għalina għax ikun hemm każi fejn min ikun imħarrek ikollu atteġġjament aggressiv. Il-Qorti t’Għawdex spiċċat qisha servizz tad-drive through  għax xi minn daqqiet dan kollu jiġri minn ġol-karozza.” Hekk sostnew impjegati tal-Qorti t’Għawdex li fissru kif ma jifilħux aktar jaħdmu f’kundizzjonijiet bħal dawn. Kien għalhekk li l-UĦM ħarġet direttiva biex din il-prattika tieqaf.

Iżda l-problemi jmorru lil hinn mill-aċċessibbiltà. Hemm ukoll problemi minħabba l-provista fqira tal-internet, sistema mhux adegwata tal-IT u nuqqas ta’ spazju fejn jinżammu dokumenti mportanti u anki fejn jistennew dawk li jkollhom seduta. Dawn in-nuqqasijiet ħarġu fil-beraħ dan l-aħħar meta kien hemm ġlieda barra waħda miż-żewġ awli, imma wara sar magħruf li ma kienx hemm filmat tas-sigurtà biex ikun jista’ jiġi investigat il-każ.

Mil-lat ta’ saħħa u sigurtà hemm ukoll kwistjonijiet serji. Skont rapport li kien intalab fi Frar li għadda u li ġie ppreżentat dan l-aħħar hemm xejn inqas minn 16-il problema li jridu jiġu indirizzati għax fil-preżent il-binja ma tilħaqx il-livell minimu meħtieġ. Minn dawn kienu indirizzati biss ħamsa. Dan mhux biss hu ta’ detriment għall-ħaddiema iżda wkoll għal dawk kollha li jużaw dan il-bini.

Minkejja li l-Gvern qed iwiegħed li se jindirizza dawn il-problemi, hemm ċertu xettiċiżmu. Dan għaliex il-wegħda li jkun hemm binja ġdida għall-Qorti f’Għawdex ilha ssir sa mill-2013. Għal xi raġuni din għadha biss fuq il-karta bil-Ministeru t’Għawdex u dak tal-Ġustizzja li donnhom iktar moħħhom biex jitfgħu il-problema f’ħoġor xulxin. Għaddew is-snin, il-problemi intefgħu taħt it-tapit, iżda llum qed niffaċjaw il-konsegwenzi.  L-ironija hi li issa se jibdew japplikaw il-multi għall-ksur tal-liġi dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-qorti stess – istituzzjoni li xogħolha hu li tikkastiga lil min ma jobdix il-liġi u li suppost tkun ta’ eżempju. Il-fatt li wasalna s’hawn probabbilment hu sintomatiku tal-mod kif qed jitpoġġew il- prijoritajiet f’pajjiżna.